Minn Cristian Muscat
Kif bdiet l-imħabba tiegħek lejn il-futbol?
Naħseb li l-futbol tista’ tgħid li qiegħed ġo fija. Il-ġenituri qatt ma mbuttawni biex nilgħab, sal-punt li Alla jaħfirlu missieri qatt ma niftakar li rani nilgħab jew li ġie jara logħba li kont involut fiha bħala kowċ. Peró, dejjem fittixt li nilgħab. Sfortunatament, sofrejt żewġ injuries koroh bejn l-etajiet ta’ 15 u 19-il sena, u spiċċajt kelli nirtira. Mingħajr futbol, bdejt nagħmel ċerti żbalji f’ħajti. Kien hemm, dak iż-żmien, bniedem li għenni ħafna, il-kowċ Tony Sammut (il-Popeye), li ħajjarni nibda ngħinu iktar fil-kowċing, wara li kont għamilt sena nikkowċja lil U6s u U7s tas-Sirens. Grazzi għalih, stajt inkompli ninvolvi lili nnifsi fl-isport li tant inħobb. Ftit snin wara, kelli nnaqqas ħafna minħabba raġunijiet ta’ xogħol, peró, imbagħad ħadt deċiżjoni li l-futbol nagħmlu prijoritá f’ħajti. Irnexxieli nerġa’ ninvolvi ruħi fil-futbol b’iktar dedikazzjoni, u llum il-ġurnata nħossni xxurtjat li nista’ naħdem f’dan l-isport f’dawn il-livelli.
Iddeskrivi r-rwol tiegħek bħala kowċ tal-goalkeepers ta’ Hibernians FC.
Illum il-ġurnata, il-futbol huwa l-impjieg prinċipali tiegħi. Nahdem mat-tim f’kull sessjoni ta’ taħriġ li jkun hemm, u flimkien tal-kumplament tal-istaff tekniku, naħdmu flimkien biex nippreparaw it-tim f’kull rigward.Ir-rwol jinvolvi wkoll ħafna xogħol li jsir barra mit-‘training grounds’, xogħol li kieku ma ħadtx id-deċiżjoni li nagħtih iktar prijoritá, żgur li ma kienx ikolli ċans li nagħmel. Ovvjament, naħdem ħafna maż-żewġ goalkeepers tal-kbar, u ż-żewġ goalkeepers tal-minors. Huma erba’ goalkeepers professjonali ħafna, kif ukoll relattivament żgħar meta tikkunsidra li l-ikbar goalkeeper, Pablo Nino Sanchez, għad għandu 28 sena, filwaqt li Hugo Sacco għandu 21 sena, Kirsten Galea għandu 19-il sena, u Carlos Camilleri għandu 17-il sena. Li jien kburi ngħid hu li huma dejjem lesti li jaħdmu kemm jifilħu, li jisimgħu, u li jgħinu lil xulxin.
Kemm taħdem spalla ma’ spalla mal-kowċ Branko Nisevic u mal-assistent tiegħu, Ryan Pulis?
Inħossni tassew ixxurtjat li qiegħed naħdem ma’ dawn il-kowċis. Branko huwa kowċ intelliġenti ħafna, li jaf xi jrid, imma fl-istess waqt iħallina naħdmu liberi, u jisma’ ħafna minn dak li nissuġġerixxi f’dak li għandu x’jaqsam ma’ goalkeepers. Ryan huwa kowċ li għadu relattivament żgħir, li għandu futur important quddiemu, għax il-mod li jara l-futbol huwa interessanti ħafna. Ta’ min insemmu wkoll li naħdmu tajjeb ħafna mal-kumplament tal-istaff. Karl Sciortino huwa physical trainer tajjeb ħafna, il-fiżjoterapista Max Borg huwa ieħor iddedikat ħafna, u l-kit managers Andrew u Manuel dejjem jaraw li jkun hemm kollox lest u ppreparat għat-tim kemm għas-sessjonijiet ta’ taħriġ kif ukoll għal-logħob. Ovvjament, irridu ninkludu wkoll lit-team manager Jesmond Abela, bniedem b’esperjenza kbira li dejjem irid l-aħjar għat-tim, u għall-kumplament tal-kumitat.
X’tikkummenta fuq l-andament ta’ Hibernians FC sa issa fil-Malta Premier?
Naħseb li sa ftit tal-jiem ilu, kont nitkellem mod ieħor. Ilna mill-bidu tal-istaġun inħabbtuha mal-ewwel erbgħa tal-kampjonat. Sfortunatament, l-aħħar riżultati tal-Closing Round League Phase fissru li ħa nilagħbu l-aħħar logħbiet fil-Bottom Six, għalkemm qegħdin biss żewġ punti taħt l-ewwel post, u dan minħabba l-konfront dirett f’dik il-famuza logħba kontra kontra Hamrun Spartans peressli spiċċajna l-League Phase bl-istess punti.
X’inhuma t-tragwardi tagħkom għal dan l-istaġun?
F’dan il-punt tal-kampjonat, it-tragwardi għandhom ikunu li nilagħbu dawn l-aħħar ħames logħbiet bl-ikbar serjetá, u li nġibu kemm jista’ jkun punti f’din il-parti tal-kampjonat. Kif jispiċċa l-kampjonat, imbagħad niffukaw fuq l-FA Trophy, fejn għandna semi-finali importanti x’nilagħbu. Ovvjament, it-tragward tagħna hu li nagħmlu li nistgħu biex nirbħu l-FA Trophy, u nġibu unur lil dan il-klabb u ferħ lill-partitarji inkredibbli tagħna!
Kif qed tħares lejn il futur tieghek fil futbol?
Jien inħares lejn il-futur sena b’sena fir-realtá. Qatt ma tista’ tgħid x’jista’ jiġri. Li hu żgur li jien kuntent ħafna ma’ Hibernians FC. Fil-futur qrib, nixtieq ngħin lill-klabb tal-Hibernians jikteb l-istorja. Il-ħsieb tiegħi bħalissa huwa biss f’dan l-istaġun, u li nwettqu dak li qegħdin noħolmu fuqu. Apparti hekk, ovvjament nieħu gost li nibqa’ nilbes l-arma tal-Hibernians għas-snin li ġejjin ukoll. Jien bniedem li qatt ma jien kuntent. Qatt mhu biżżejjed. Bħalissa qiegħed interessat ħafna li nkompli fil-korsijiet tiegħi tal-kowċing u nkompli ntejjeb l-abilitajiet tiegħi, u nimxu minn hemm.
Għaddi messaġġ finali lil min jixtieq jagħmel karriera ta’ suċċess fil-futbol.
L-ewwel u qabel kollox, agħmel dak li thobb tagħmel int, u mhux dak li jgħidulek li għandek tħobb. Ħu gost ilgħab, il-futbol għandu jagħtik pjaċir. Imbagħad, iktar ma tikber, iktar trid tkun lest li tagħmel sagrifiċċji. Taqta’ qalbek qatt, u ibqa’ aħdem biex twettaq il-ħolma tiegħek. Jekk tkun determinat, u tħobb dak li qed tagħmel, għandek possibiliá kbira li tasal fil-ħajja!