L-espert ewlieni fl-inkjesta Vitals, l-Irlandiż Jeremy Harbinson, illi l-kumpanija tiegħu tħallset €11-il miljun għar-rapport ta’ din l-inkjesta, qed jgħid li jrid sitt ġimgħat biex jipprovdi dokument mitlub lilu mill-Qorti. Fil-jiem li għaddew il-Maġistrat Rachel Montebello tat lil Harbinson jumejn ċans biex jipprovdi dokument illi jiġġustifika t-talba tiegħu li ma jiġix jixhed Malta iżda jixhed bil-video conference. U dan minħabba dawk li huwa qed isejjaħ bħala ragunijiet familjari suppost relatati mas-saħħa ta’ martu.
F’nota mibgħuta lill-Qorti, permezz tal-avukat tieghu Peter Fenech, magħruf ghal kemm huwa qrib tal-Partit Nazzjonalista, Jeremy Harbinson qed jgħid illi ma rnexxilux ikellem lit-tobba li jafu bis-suppost każ ta’ martu. Żied illi dawn it-tobba ma tawhx appuntament għaliex fi kliemu stess intqal lilu illi l-każ mhux emerġenza. Harbinson qed jgħid illi intqal lilu sabiex l-ewwel imur għand tabib tal-familja, illi mbagħad jagħmillu appuntament għal sitt ġimgħat wara.
Din in-nota tikkontradixxi dak illi l-istess Harbinson kien qiegħed jgħid fil-jiem li għaddew. Għaliex filwaqt li f’din l-aħħar nota tiegħu stqarr li dak li qed jgħid illi huwa l-każ tal-mara tiegħu mhux każ ta’ emergenza, fil-jiem li għaddew kien qal illi ma jistax jiġi jixhed Malta la issa u lanqas fil-futur prevedibbli għaliex minħabba l-kundizzjoni tal-mara, ma jistax iħallieha waħedha u jrid ikun il-ħin kollu ħdejha.
Harbinson ikkonferma li kien huwa li kkordina u ssorvelja l-investigazzjoni, il-preparazzjoni tar-riżultati tar-rapport tal-inkjesta Vitals. Issa jinsab imħarrek tmien darbiet dax-xahar u tliet darbiet oħra fi Frar sabiex jiġi jixhed fil-Qorti b’rabta ma’ dan ir-rapport.
Fil-jiem li ghaddew, minkejja t-talbiet tal-Qorti, baqa’ jisħaq li ma jistax jagħti data meta jkun jista’ jivvjaġġa lejn Malta u saħaq li kull kjarifika mitluba fuq ir-rapport tal-inkjesta jew fuq xi parti minnha ma tistax tingħata minn persuna waħda iżda jkun hemm bżonn il-preżenza ta’ ħafna esperti flimkien. Għaldaqstant waqt li sahaq ghal darb’oħra illi jinsab lest li jixhed biss permezz tal-video conference, żied li jrid li meta jkun se jixhed, ikollu miegħu esperti oħrajn illi jkun informat bil-quddiem liema għandhom ikunu sabiex skont huwa jkunu mħejjija sew.
L-avukati difensuri kollha oġġezzjonaw li Harbinson jixhed bil-video conference. Il-mara ta’ Harbinson, li minħabba fiha l-espert Irlandiż qed jgħid li ma jistax jiġi Malta, hija direttur fil-kumpanija Harbinson Forensics li tħallset il-€11-il miljun, l-istess kumpanija li ftit tal-ġimgħat wara li kienet ippublikata l-inkjesta Vitals, ġiet iddikjarata minn Jeremy Harbinson innifsu bħala falluta.
Sa issa ġew Malta biex fuq il-bażi tar-rapport tal-inkjesta jixhdu quddiem il-Qorti, l-Irlandiż Sam Sittlington u s-Serba Miroslava Milenovic. Riżultat tat-twegibiet li taw għall-mistoqsijiet li sarulhom ħarġu dubji serji ħafna dwar il-professjonalità u l-integrità ta’ dawn iż-żewġ persuni li fi kliem Jeremy Harbinson innifsu, ħadmu taħt id-direzzjoni tiegħu. Iktar kmieni dil-ġimgħa fil-Qorti l-avukat Gianella de Marco iddikjarat illi l-esperti f’din l-inkjesta ħadu l-miljuni u ħarbu.
Fuq il-bażi tar-rapport li tħejja minn Jeremy Harbinson u l-esperti li kellu miegħu qed ikunu ibbażati sensiela ta’ akkużi mill-iktar serji fil-konfront tal-eks Prim Ministru Joseph Muscat u ħafna nies oħrajn. L-inkjesta Vitals mhux biss swiet €11-il miljun iżda ħadet ħames snin biex titlesta u ġiet ippubblikata fil-bidu tal-kampanja elettorali tal-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew ta’ Ġunju tas-sena illi għaddiet.