Friday, April 19, 2024

Jgħaddi mill-Parlament l-abbozz ta’ liġi dwar il-prevenzjoni ta’ Vjolenza Domestika 

Aqra wkoll

Għadda l-proċess parlamentari kollu l-abbozz ta’ liġi dwar il-prevenzjoni tal-vjolenza domestika. Din il-liġi l-ġdida tkun qed tagħti għodda ġdida u tgħin persuni li jistgħu jkunu f’riskju ta’ vjolenza domestika u tagħti l-appoġġ meħtieġ biex ikisser iċ-ċirku ta’ vjolenza.

Din il-liġi se tagħti l-possibilità illi persuni li qegħdin f’relazzjoni intima jistgħu jagħmlu applikazzjoni mal-Victim Support Agency sabiex jiċċekkjaw jekk is-sieħeb/a tagħhom qatt instabu ħatja ta’ vjolenza domestika fil-passat. Is-sistema se turi biss sentenzi ta’ vjolenza domestika u mhux allegazzjonijiet li jkunu saru jew każijiet li jkunu għadhom pendenti quddiem il-Qorti.

F’din il-liġi ġie żgurat ukoll il-protezzjoni tad-data, fil-fatt il-Pulizija trid tivverifika d-dritt tal-applikant għall-informazzjoni permezz ta’ kriterji speċifiċi u stabbiliti mil-liġi. Ir-risposta lill-applikant imbagħad tingħata fi żmien sebat ijiem u jekk ikun jeħtieġ anke joħroġ avviż ta’ twissija ta’ riskju. Il-Pulizija fil-Victim Support Agency se tkun qed tispjega wkoll ir-raġuni għaliex jista’ jkun hemm riskju potenzjali ta’ vjolenza domestika, filwaqt li l-professjonisti fi ħdan il-Victim Support Agency jipprovdu informazzjoni dwar is-servizzi ta’ appoġġ disponibbli.

B’reazzjoni għal dan, il-Ministru għall-Intern, is-Sigurtà, ir-Riformi u l-Ugwaljanza Byron Camilleri u s-Segretarju Parlamentari għar-Riformi u l-Ugwaljanza Rebecca Buttigieg qalu li qed tkun implimentata wegħda elettorali oħra tal-manifest ‘Malta Flimkien’, bil-għan li tiġi introdotta għodda ġdida kontra l-vjolenza domestika, u jonqos ir-riskju ta’ persuni li jispiċċaw vittmi ta’ vjolenza.

Sport