Friday, April 19, 2024

L-IMSIEĦBA SOĊJALI GĦANDHOM IKUNU PARTI INTEGRALI MILL-BIDLA MEĦTIEĠA

Is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol - il-Ministru Stefan Zrinzo Azzopardi

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

L-imsieħba soċjali huma kruċjali għas-saħħa u s-sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol. Għalhekk dawn għandhom ikunu parti integrali mit-tibdil li jrid isir f’dan il-qasam.

Qal dan il-Ministru għax-Xogħlijiet Pubbliċi u l-Ippjanar Stefan Zrinzo Azzopardi waqt id-diskussjoni parlamentari dwar l-estimi ta’ dħul u nfiq tal-Awtorità għas-Saħħa u s-Sigurtà fuq il-Post tax-Xogħol (OHSA) għas-sena finanzjarja 2023.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi enfasizza dwar il-bżonn li nkomplu naħdmu flimkien f’dan is-settur sabiex insaħħu l-kultura favur aktar saħħa u sigurtà fuq kull post tax-xogħol.

Huwa kompli billi għamel referenza għal xi rimarki li kien għamel waqt laqgħat tal-MCESD fir-rigward tal-parteċipazzjoni li l-imsieħba soċjali għandu jkollhom f’dan il-qasam.

Qal li f’ħafna pajjiżi, speċjalment dawk Skandinavi, movimenti favur aktar saħħa u sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma aktar diretti min-naħa tal-imsieħba soċjali nfushom, fejn min iħaddem u l-unjins jagħmlu diskussjonijiet b’saħħithom u flimkien jaraw li l-objettivi li għandhom jiġu milħuqa.

“Dan f’sens ta’ parteċipazzjoni u ftehim bejniethom li jkun huma li jmexxu ‘l quddiem din l-aġenda,” tenna l-Ministru Zrinzo Azzopardi. “Dan qed ngħidu mhux biex ikun hemm xi ħadd li jgħid jew jaħseb li l-Gvern jew l-awtorità għandhom jabdikaw mir-responsabbiltajiet tagħhom. Imma l-bidla li rridu nagħmlu, l-imsieħba soċjali jridu jkunu parti integrali minnha.”

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li l-fatt li jkunu l-imsieħba soċjali li jimbuttaw it-triq ‘il quddiem u mal-membri tagħhom iwasslu messaġġ favur kultura ta’ aktar saħħa u sigurtà fuq il-postijiet tax-xogħol, fil-fehma tiegħu jagħti riżultati aktar b’saħħithom minn dawk li kisbet l-Awtorità matul is-snin.

Huwa qal ukoll li riċentament inħasset il-ħtieġa li tkun pubblikata White Paper biex ikun hemm tiġdid fil-liġi dwar is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol u talab biex l-imsieħba soċjali jkunu aktar proattivi għax huma parti integrali mill-bidla li l-Gvern irid jagħmel.

Il-Ministru Zrinzo Azzopardi qal li permezz tal-emendi fil-kodiċi kriminali li dwarha kien hemm qbil unanimu miż-żewġ naħat tal-kamra, l-ispetturi tal-OHSA ser jingħataw aktar setgħa biex jagħmlu l-indaġini tagħhom u dan mhux se jkun qed jaffettwa l-imparzjalità tal-maġistrat. Dan se jwassal biex l-inkjesti jingħaqlu fi inqas żmien possibli u jkun hemm definit min għandu jwieġeb jekk hemm responsabbiltajiet li għandhom jintrefgħu.

B’rabta mal-mewt ta’ Jean Paul Sofia, il-Ministru Zrinzo Azzopardi saħaq li l-Gvern qiegħed iħeġġeġ l-istituzzjonijiet tal-qrati biex fl-iqsar żmien possibli tasal għall-konklużjonijiet biex tingħalaq l-inkjesta u min għandu jwieġeb għan-nuqaasijiet tiegħu jwieġeb ħalli ssir ġustizzja.

Huwa żied jgħid li l-Gvern u l-awtoritajiet għandhom l-obbligi tagħhom imma hemm nies li għandhom jerfgħu r-responsabbiltà u jwieġbu għall-għemilhom.

“Is-saħħa fuq ix-xogħol tagħmel effett qawwi fuq l-individwu”

Min-naħa tiegħu, id-Deputat Laburista Malcolm Paul Agius Galea qal li forsi ftit nies jirrealizzaw kemm is-saħħa u s-sigurtà fuq il-post tax-xogħol huma parti importanti ħafna għal dawk li jipprattikaw il-mediċina, li taffettwa lill-pazjenti tagħna. Għax ix-xogħol huwa parti integrali mill-persuna.

Qal li jiġu pazjenti b’daharhom juġagħhom minn fuq ix-xogħol sa pazjenti mkissrin mentalment minħabba x-xogħol. “Għaldaqstant, is-saħħa fuq ix-xogħol tagħmel effett qawwi fuq l-individwu.”

Huwa kompla jgħid li d-dritt tax-xogħol huwa dritt bażiku għal kuħadd però huwa dritt daqstant ieħor li l-ħaddirm imur għax-xogħol u jmur lura lejn daru b’saħħtu. “Nisimgħu b’ħaddiema li jmorru għax-xogħol u ma jiġux lura. Nisimgħu b’każijiet u nuru l-empatija tagħna mal-familja ta’ JeanPaul Sofia u nisħaq li għandha ssir ġustizzja. Le m’aħniex torox għal dak li ġara.”

Id-Deputat Laburista Agius Galea enfasizza wkoll li meta nħarsu lejn is-saħħa u s-sigurtà huwa importanti ħafna li naraw lill-ħaddiema b’mod ħolistiku. “Mhux biss li nipprovdilek il-miżuri kollha dwar is-saħħa u s-sigurtà, imma li int qiegħed sigur ukoll fix-xogħol tiegħek.”

Huwa tkellem ukoll dwar korrimenti oħra li jista’ jkun hemm fuq ix-xogħol meta pereżempju ħaddiem ikun qed jagħmel l-istess xogħol ripetittiv, li għalkemm jidhru żgħar ma jistgħux jagħlqu għajnejna għalihom. “Bniedem li qisek ġibtu magna l-ħin kollu għaddej bl-istess xogħol u farraktu.”

It-Tabib Agius Galea qal ukoll li sfortunatament hawn Malta qed tidħol il-kultura fejn qegħdin nagħżlu: “ħallieh lill-iswed jerfa’, dak qisu ġolf.” Tenna li mhux se jaċċetta li jkun hemm diskriminazzjoni ta’ dan it-tip, għax wara kollox dawn ukoll għandhom il-familja tagħhom u huma wkoll jistgħu jweġġgħu.

Sport