Tuesday, April 30, 2024

Rekord ta’ 12-il midalja tad-deheb għal Malta

Aqra wkoll

Malta kisbet rekord ta’ midalji tad-deheb, jiġifieri 12 meta fit-table tennis, fil-kompetizzjoni tal-irġiel, Dimitriy Prokopcov, annulla l-match point ta’ 10-8 tal-Lussemburgu biex baqa’ sejjer u kiseb ir-raba’ punt konsekuttiv għal skor finali ta’ 12-10.

Ftit qabel fil-kompetizzjoni tan-nisa, Malta rebħet id-deheb meta fil-finali għelbet lil Monaco.

Basketball: Malta tegħleb lill-Montenegro

It-tim nazzjonali tal-irġiel tal-basketball għeleb lill-Monetgero bl-iskor ta’ 78-66.

It-tim nazzjonali tan-nisa tal-basketball safa megħlub mill-Montenegro bl-issor ta’ 59-42. Amber Melgoza kienet l-aqwa skorer għal Malta bi 15-il punt, waqt li Ashleigh van Vliet u Amelia Simmons irreġistraw seba’ punti kull wieħed.

Malta issa tkun impenjata llum kontra l-Lussemburgu fil-4.45pm.

Malta tikseb l-ewwel rebħa fit-3×3 Basketball

Fl-avveniment 3×3 tal-basketball, Malta għamlet id-debutt tagħha kemm fil-kompetizzjoni tal-irġiel kif ukoll tan-nisa. It-tim tal-irġiel irreġistra l-ewwel rebħa ta’ Malta fil-Logħob.

Kienu n-nisa l-ewwel li lagħbu meta ffaċċjaw lil Ċipru u kienu l-viżitaturi li ddominaw l-istadji tal-ftuħ kontra l-plejers Maltin. Madankollu, il-prospetti inbidlu hekk kif il-logħba kompliet għaddejja u Malta marru fil-vantaġġ f’nofs il-konfront. Minkejja dan, punti fl-aħħar minuti fissru li Ċipru rebħu l-logħba b’mod drammatiku bl-iskor ta’ 15-14.

Wara, il-Lussemburgu lagħbu kontra Malta u din id-darba, huma irriżultaw bħala wisq b’saħħithom għall-Maltin u rebħu l-logħba bl-iskor finali ta’ 21-8.

L-attenzjoni marret fuq l-irġiel, hekk kif Malta tilfet 21-9 kontra l-Lussemburgu fl-ewwel partita tagħhom. B’mod simili għan-nisa, il-Lussemburgu se jkun wieħed mill-favoriti tat-tournament u dan wera immedjatament hekk kif kellhom prestazzjoni dominanti.

Wara, Malta ffaċċjat lil Ċipru b’Vule Jandric jikseb two-pointer kruċjali lejn l-aħħar tal-partita biex ta lil Malta l-ewwel rebħa bi skor finali ta’ 21-18.

Fit-tielet logħba, Malta tilfet kontra Andorra bl-iskor ta’ 21-17.

Intant, kien imiss logħba oħra tan-nisa, fejn Malta tilfet bl-iskor ta’ 21-18 kontra Andorra.

Zewġ rebħiet għal Maltin fir-Rugby 7’s

Il-kompetizzjoni tar-Rugby 7’s iddebuttat f’dan il-logħob bil-logħob tal-fażi tal-gruppi li ntlagħbu fit-Tony Bezzina Stadium, Kordin.

It-tim Malti, immexxi minn Damien Neill, nieda l-kampanja tiegħu b’rebħa ta’ 19-10 fuq Andorra.

Iżda, l-istess tim tal-irġiel naqas milli jirreplika l-bidu rebbieħ tiegħu wara li tilef bl-iskor ta’ 33-14 kontra l-Lussemburgu fit-tieni ħarġa tiegħu tal-kompetizzjoni.

Madankollu, huwa kiseb sitt punti fir-round meta għeleb lil Ċipru bl-iksor kbir ta’ 38-0 biex baqa’ biċ-ċans li jirbaħ midalja f’dan l-‘event’.

Intant, it-tim tan-nisa tar-Rugby 7s beda bil-qawwa f’din il-kompetizzjoni meta ddomina għal kollox u għeleb lill-Montenegro bl-iksor kbir ta’ 31-0.

Madankollu, imbagħad, l-istess tim, sab għadma iebsa hekk kif tilef bl-iskor ta’ 19-15 kontra Andorra.

Fit-tielet logħba, Malta għelbet lil-Lussemburgu bl-iskor kbir ta’ 26-0 biex issa għandhom seba’ punti fil-klassifika.

Numru ta’ midalji fl-għawm

Malta kisbet numru ta’ midalji fl-għawm.

Fil-100m backstroke, Victoria Balderacchi u Sarah Demicoli it-tnejn ikkwalifikaw mill-ewwel heat tan-nisa b’ħinijiet ta’ 1:07.18 u 1:11.32 rispettivament biex kisbu post fil-finali bħala t-tielet u r-raba’ għawwiema. Madankollu, fil-finali, irriżulta diżappunt hekk kif Victoria Balderacchi temmet fil-ħames post b’ħin ta’ 1:05.83, waqt li Sarah Demicoli temmet it-telliqa fit-tmien post b’ħin ta’ 1:11.18.
Fl-irġiel, Nathan Mcleave daħal fil-finali bl-ewwel post b’ħin ta’ 58.16. Thomas Wareing se jingħaqad miegħu fir-rawnd sussegwenti wara li kkwalifika fir-raba’ post b’ħin ta’ ’59.52. Fil-finali, Mcleave temm fil-ħames post b’ħin ta’ 58.88 waqt li Thomas Wareing temm fis-seba’ post b’ħin ta’ 59.83.

Fil-200m breastroke tan-nisa, Georgia Bohl spiċċat it-tieni b’ħin ta’ 2:33.81 hekk kif Mya Galea rreġistrat ħin ta’ 2:42.88 biex ikkwalifikat fit-tielet post.

Fil-finali, Georgia Bohl temmet fit-tieni post b’ħin ta’ 2.30.89 wara tmiem drammatiku, waqt li Maya Galea temmet fis-sitt post b’ħin ta’ 2.42.79.

Fl-ewwel heat tal-100m butterfly tal-irġiel, Simon Mallia spiċċa l-ħames b’ħin ta’ 58.24 hekk kif Nathan Mcleave tilef wara li spiċċa fiss-sitt post b’ħin ta’ 27.06 fit-tieni heat.

Fl-400m freestyle, Sasha Gatt għamlitha għar-rawnd sussegwenti tal-avveniment tan-nisa b’ħin ta’ 4:31.25 fit-tieni post. Fl-avveniment tal-irġiel Dylan Cachia temm fit-tieni post b’ħin ta’ 4:06.35.

Fil-finali Sasha Gatt temmet fit-tielet post b’ħin ta’ 4:24.88 wara għawma mill-aqwa li rat lit-tliet rebbieħa tal-midalji jkollhom distakk sostanzjali mill-kumplament tal-għawwiema.

Għal Gatt dan kien it-tieni bronż wara li temmet fit-tielet post fit-800m fir-relay ta’ nhar it-Tlieta

Intant fil-finali tal-400m freestyle tal-irġiel, Dylan Cachia, temm bit-tieni bronż tiegħu għal Malta wara għawma mill-aqwa kontra kompetizzjoni iebsa, hekk kif l-għawwiem Malti rreġistra ħin ta’ 4:01.69.

Fil-100m butterfky tan-nisa, Nirvana Micallef, naqset milli tikseb midalja tal-bronż oħra wara li temmet fir-raba’ post b’ħin ta’ 1.:03.98 waqt li Michela Portelli temmet fis-sitt post b’ħin ta’ 1:05.12.

Fir-relay tan-nisa, Malta kisbet il-fidda b’ħin ta’ 8:41.41. It-tim nazzjonali Mali kien kompost mill-għawwiema Mya Azzopardi, Francesca Falzon Young, Sasha Gatt u Sarah Demicoli.

Fir-relay tal-4×200m tal-irġiel, Nathan Mcleave, Matthew Galea, Thomas Woods u Dylan Cachia temmew fir-raba’ post b’ħin ta’ 7:52.00.

Sport