Il-Pulizija Taljana għaddejja b’investigazzjoni wara li żewġt itfal għebu mid-dar fejn kienu qegħdin jinżammu. Huma kienu taħt il-kura ta’ foster care f’dar li tinsab fil-villaġġ ta’ Civitella Alfedena fl-Italja.
L-aħwa Sarah ta’ 12-il sena u Alysa ta’ 16-il sena telqu mid-dar li kienu ilhom jgħixu fiha mill-2024 u qatt ma reġgħu lura. Il-mara li kienet tieħu ħsiebhom qalet li m’għandha l-ebda idea fejn setgħu marru t-tfal.
F’appell dirett lejn it-tfal qalet li “intom ħajti… Ergħu lura… Qegħdin nistennikom.”
Stefano Iafolla li qiegħed imexxi l-investigazzjonijiet qal li l-pulizija ma hi teskludi xejn f’dawn iċ-ċirkostanzi. Qal li l-akbar suspett hu li huma ħarbu bl-għajnuna ta’ xi persuni oħrajn, iżda hekk kif l-istess investigaturi raw kameras tas-sigurtà li hemm fit-toroq tal-madwar, huma dehru ħerġin mid-dar, imxew ftit u ma dehrux aktar.
Li hu żgur li huma ħarbu mid-dar minn tieqa.
It-tfal ittieħdu mingħand il-ġenituri tagħhom wara li dawn isseparaw seba’ snin ilu u minħabba l-kundizzjonijiet li spiċċaw jgħixu fihom l-aħjar għażla kienet li jitpoġġew għand foster care.



