…stuprata meta kellha sitt xhur qala f’perjodu li fih kienet tabbuża id-droga
…il-Qorti tgħid li l-aġir disrispettuż, abbużiv u ta’ stmerrija, l-akkużat għandu llum jiffaċċja l-id iebsa tal-Qorti
Mara meqjusa persuna fraġli. Vulnerabbli. Għaddiet minn diversi esperjenzi negattivi f’ħajjitha. Tkeċċiet mid-dar t’ommha. Spiċċat tgħix f’diversi xelters. Kienet tiddependi minn ħniena ta’ terzi. Kienet dipendenti fuq is-sieħeb kemm emozzjonalment, kif ukoll finanzjarjament u tant kienet magħfusa li kif tgħid hi lanqas kellha flus biex tixtri ħwejjeġ u saħansitra biex tiekol, kienet tmur f’Dar Papa Franġisku.” Spiċċat tqila mis-sieħeb. Kienet stuprata fl-istess żmien. F’dan iż-żmien kienet ukoll tabbuża mid-droga. Il-Qorti kellha kliem iebes fil-konfront ta’ l-akkużat u qalet li “l-‘le‘ tas-sieħba tiegħu għandha tfisser ‘le’ u għalhekk propju minħabba dan l-aġir kriminuż, disrispettuż, abbużiv u ta’ stmerrija l-akkużat għandu llum jiffaċċja l-id iebsa tal-Qorti fil-piena li ser tiġi erogata fil-konfront tiegħu.”
Stupraha fil-latrina taż-Żejtun…eżattament f’dik għal persuzi b’diżabilità
Il-Qorti fid-deċiżjoni tagħha qalet li eżaminat l-atti proċesswali, inkluż l-atti kumpilatorji, u tara li d-depożizzjonijiet varji tal-mara jippreżentaw stampa ta’ relazzjoni mifnija b’abbuż u vjolenza. Hi tiddikjara li kienet f’relazzjoni mal-akkużat għal perjodu ta’ madwar erba’ snin bejn l-2019 u l-2023, li minnha twieled wild wieħed. Matul dan il-perjodu kienu jgħixu flimkien f’appartament f’Marsaxlokk ma’ persuna oħra. Ix-xhud tgħid li kellha sitt xhur tqala u kienet dipendenti fuq d-droga. Ftit jiem qabel l-allegat stupru, Omaha kienet keċċietha mid-dar. Ix-xhud tgħid li l-akkużat sab numru ta’ persuna fuq il-mobile tagħha, li wassal għall-argument bejniethom. Is-sieħeb allegatament ġibidha bil-forza lejn il-latrina pubblika tal-persuni b’diżabilità ħdejn il-Knisja Parrokkjali taż-Żejtun għall-ħabta tal-ħdax ta’ fil-għaxija, fejn sakkar il-bieb warajhom u hemmhekk beda jgħajjarha u jheddidha li joqtolha, u pproċeda billi kien vjolenti magħha fejn taha daqqa ta’ ras u ħabbtilha rasha mal-madum.”
“Il-mara ipprovat tgħajjat iżda hu pprova jifgagħha”
Il-Qorti tgħid li “hawnhekk il-mara tgħid li ppruvat tgħajjat iżda r-raġel ipprova jifgagħha billi rossilha griżmejha. Dwar l-allegat abbuż sesswali tirrakkonta illi r-raġel ordnalha tinża’ l-ħwejjeġ u meta ma obdietx, niżlilha l-qalziet bil-forza, u poġġiha b’wiċċha lejn il-vaska tat-tojlit u allegatament ippenetraha analment kontra r-rieda tagħha, fejn eġakola ġewwa fiha u wara mar jinħasel fis-sink. Wara ftit, allegatament ried jirrepeti l-att sesswali u pproċeda biex ikollu x’jaqsam magħha għat-tieni darba bl-istess mod. Skont ix-xhud dan seħħ kollu kontra r-rieda tagħha u meta kienet qed tissubbixxi vjolenza minn taħt idejn l-appellant. Il-mara tgħid li baqgħu msakkrin fil-latrina bejn l-ħdax ta’ fil-għaxija u l-erbgħa ta’ fil-għodu, f’liema ħin l-appellant kien qed jikkonsma l-alkoħol u jpejjep. Wara kif lesta ħarġu jimxu fit-triq u taha sigarett.”
Il-Qorti tgħid ukol li “dwar l-inċident li seħħ fil-11 ta’ Frar 2023 barra is-supermarket tal-Lidl ġewwa l-Mosta, il-mara tirrakkonta li qam argument ieħor minħabba lighter li l-akkużat sab fil-basket tagħha. L-akkużat allegatament beda igħajjarha b’termini degradanti, u waddbilha ġebla li laqtitha fuq subgħajha ta’ saqajha, tant li daħlet titlob l-għajjut lill-uffiċjal tas-sigurtà li pproċeda biex iċempel lill-Pulizija. Meta waslu l-Pulizija, l-mara irrakkontatilhom kemm dan l-inċident, kif ukoll dak tat-3 ta’ Frar, u fil-kors ta’ din l-investigazzjoni hija kienet eżaminata klinikament u sar r-risk assessment mill-addetti fl-Aġenzija Appoġġ li ħareġ f’livell għoli.”
Il-Qorti qalet li “l-mara ammettiet li l-akkużat kien iċemplilha mill-ħabs u hi kienet twieġbu u anke bdiet taħseb li taħfirlu għax kienet tħoss li kellha bżonnu, speċjalment minħabba t-tqala. Tliet ijiem qabel welldet it-tarbija tagħhom f’Mejju 2023, iddikjarat li xtaqet taħfirlu, iżda meta fis-sena 2024, ħajjitha bdiet tistabbilizza, biddlet il-fehma tagħha u ma riditx tibqa’ f’kuntatt miegħu. Tirrakkonta ukoll illi f’Diċembru tas-sena 2024, ġar tagħha, mar għand ommha biex jgħidilha li xi ħbieb tal-akkużat rieduha taħfirlu u offrielha xi flus. Hi għamlet rapport dwar dan lill-Pulizija u tiċħad li lil dan ix-xhud kienet qaltlu li ma kienx seħħ l-istupru kif minnha rapportat.”
F’sitt xhur tqala ma marritx għand tabib għax ma kienx iħalliha
Il-Qorti fis-sentenza tagħha li “l-mara tispjega il-kontroll li kien jeżerċita fuqha l-akkużat meta saħansitra iċ-ċellulari tagħha kien ikun dejjem fil-pussess tiegħu, ħlief meta ma kenux ikunu miġġieldin, u kienet tgħidlu li trid iċċempel lil binha. Tgħid li ma marritx għand tabib f’sitt xhur tqala, u l-ewwel darba li nvistaha tabib kien meta marret mal-Pulizija l-klinika tal-Mosta għax ma kellhiex flus biex tmur, peress li l-akkużat ma kienx iħalliha, u lanqas kienet titolbu biex tagħmel dan, għax kien jispiċċa isawwatha. F’dan iż-żmien ukoll hi kienet tabbuża mid-droga. Tant ma kellhomx flus li kienu jmorru Dar Papa Frangisku jieklu regolarment. Kienu jmorru ukoll kuljum iż-Żejtun biex jixtru u jieħdu d-droga. Dan kienu jagħmluh ġewwa l-latrina taż-Żejtun kuljum meta fil-ħin ta’ bil-lejl kien ikun hemm il-latrina tal-persuni b’diżabilità li kienet tibqa’ miftuħa.
“Kien jgħidilha tinża’ u hi kienet toqgħodlu biex jieqfu jiġġieldu u jieqaf isawwatha”
Fis-sentenza jingħad li “l-mara tikkonferma li lir-risk assessors kienet qaltilhom li l-akkużat kien stupraha madwar għaxar darbiet waqt ir-relazzjoni tagħhom għax kull meta kienu jiġġieldu, l-akkużat kien jgħidilha tinża u hi kienet toqgħodlu biex jieqfu jiġġieldu u jieqaf isawwatha.”
Fis-sentenza ingħad li “l-akkużat ippreżenta verżjoni ta’ fatti fejn għalkemm sa mill-bidu nett tal-istqarrija tiegħu jammetti li kien vjolenti u li kien ikun hemm l-ġlied bejnu u bejn il-mara minħabba suspett ta’ infedeltà, però jiċħad li stupraha, jew kellu x’jaqsam magħha fil-latrina taż-Żejtun, jew li daħal ġol-latrina magħha. Fl-istqarrija ċaħad saħansitra li kien f‘dawk l-akwati. Fil-ġuri l-akkużat irrakkonta li kien ilu jaf lil mara mis-sena 2019 u bdew relazzjoni li damet għaddejja tliet snin u nofs. Tul iż-żmien li kienu flimkien, hu kien il-ħabs bejn l-aħħar ta’ April 2020 u ħareġ fl-1 ta’ Jannar 2021, madankollu hu u hi baqgħu jikkomunikaw bejniethom. Hu jgħid li meta ħareġ mill-ħabs sab li hi kienet tqila b’tarbija ta’ persuna oħra. L-akkużat jgħid li kien iddispjaċut, iżda l-parti offiża bdiet iċċempillu biex jaħfrilha u ħafrilha u marret tgħix miegħu fil-post li kien jikri ż-Żejtun. Madankollu kellu problemi mas-sid, u spiċċaw kellhom jitilqu u marru jgħixu ma sieħbu f’Marsaxlokk. Jgħid li ħa ħsieb lil mara meta welldet fis-6 ta’ Ġunju tas-sena 2021 u kellha tewmin. F’dan iż-żmien ommha u ħutha ma riedux jafu biha tant li lanqas ħadulha l-affarijiet li kellha bżonn meta kienet l-isptar, tant li spiċċa mar jiddejjen mingħand wieħed iż-Żejtun, sabiex ikun jista’ jixtrilha l-bżonnijiet. Hu jiddeskrivi l-ħajja tagħhom bħala waħda mhux sabiħa peress li kienu jabbużaw mid-droga, u jallega li beda jabbuża bid-droga meta ħajjritu hi stess. Hu jgħid li għandu ħamest itfal minn żewġ nisa differenti, u l-aħħar wild tiegħu li kellu mal-parti offiża għadu ma rahx. Jgħid li llum rnexxielu jegħleb il-vizzju tad-droga.
Jiddikjara li “kienu jmorru ż-Żejtun kuljum biex jixtru d-droga u kienu jmorru jeħduha jew fil-post fejn kien jikri qabel, għax kien għad għandu ċ-ċwievet, jew ġol-latrina jew anke sieħbu. Jgħid li ġieli marru l-latrina taż-Żejtun jew biex jagħmlu l-bżonnijiet tagħhom jew biex jieħdu d-droga. Skont il- verżjoni tiegħu tal-fatti fil-jiem li seħħ l-allegat stupru, bejn it-3 u l-4 ta’ Frar ma jiftakarx li ġara xi ħaġa partikolari peress li ż-Żejtun kienu jkunu hemm kuljum. Jammetti fix-xiehda tiegħu illi hu u l-mara kienu ġġieldu fuq il-lighter li sabilha fil- baskett, u dan fil-jum tal-11 ta’ Frar ħdejn il-Lidl supermarket fejn waddbilha ġebla u laqatha f’subajha iżda jiċħad li kien mbuttaha. Rigward il-ġrieħi fuq wiċċha li hija tirrakkonta li kienu inflitti fuqha fil-lejl tal-istupru, skont il-verżjoni tiegħu dawn kienu kaġjonati f’episodju ieħor meta kienu iġġieldu għand sieħbu u taha daqqa ta’ pala.
Il-Qorti tal-Appel iddikjarat li “din il-Qorti bħall-Qorti Kriminali qabilha temmen il-verżjoni tal-fatti tal-maa. Din il-verżjoni tax-xhud tippreżenta rakkont ta’ relazzjoni karatterizzata minn kontroll, vjolenza fiżika, intimidazzjoni, u allegazzjonijiet ta’ atti sesswali mingħajr kunsens fejn fl-episodju tat-3 ta’ Frar 2023 ix- xhud tgħid li ġiet imsakkra, mhedda, imsawwta u stuprata darbtejn, bl-inċident tal-11 ta’ Frar wassal biex fl-aħħar setgħet tirrapporta lill-Pulizija dak kollu li kienet għaddejja minnu. Il-mara tgħid li l-kuntatt tagħha mal-akkużat wara l-arrest kien riżultat ta’ dipendenza emozzjonali, biża’, u vulnerabbiltà personali, iżda aktar tard bdiet tbiddel il-pożizzjoni tagħha hekk kif ħassitha bdiet tistabbilizza ruħha.
Il-Qorti iddikjarat li “dan huwa każ klassiku ta’ vjolenza domestika fejn l-akkużat huwa l-bniedem dominanti f’din ir-relazzjoni fejn issoġġetta lis-sieħba tiegħu għal ordnijiet tiegħu. B’dan sabiex ir-rieda tiegħu tieħu soppravent fuq dak mixtieq mis-sieħba tiegħu l-vittma f’dan il-każ. Jirrizulta lill-Qorti li l-vittma hi persuna fraġli, vulnerabbli u għaddiet minn diversi esperjenzi negattivi f’ħajjitha. Biżżejjed jingħad li saħansitra tkeċċiet mid-dar t’ommha, spiċċat tgħix f’diversi shelters u tiddEpendi minn ħniena ta’ terzi. Il-vittma kienet dipendenti fuq l-akkużat kemm emozzjonalment, kif ukoll finanzjarjament u tant kienet magħfusa li kif tgħid hi lanqas kellha flus biex tixtri ħwejjeġ u saħansitra biex tiekol, kienet tmur f’Dar Papa Franġisku.”
Il-Qorti tgħid li “l-akkużat ma hemmx dubju li abbuża minn din il-piducja sabiex jissodisfa iż-żiena tiegħu u ħass li kellu kmand fuq il-ġisem tas-sieħba tiegħu tant li b’mod umiljanti ssoġġetta għas-sess anali ġo latrina. Mhux hekk talli anke waqt is-sess li seħħ kontra l-volontà tagħha, hu aggrediha tant li spiċċat b’feriti fuq ġisimha. Dan ma kienx biżżejjed għax l-aggressjoni tiegħu fuqha rrepeta ruħhu ftit jiem wara barra l-Lidl meta għal darb’oħra kkaġunalha feriti. Minn eżami tal-fedina penali tiegħu, hu kien diga nstab ħati mill-Qorti talli kien aggrediha u kkaġunalha feriti fuq persuntha u bħala riżultat ta’ dan kien ġie kkundannat tletin xahar prigunerija fil-25 t’ April, 2024. Dan it-tip ta’ komportament ma jista’ qatt jigi aċċettat f’soċjetà demokratika. L-akkużat hemm bżonn jifhem darba għal dejjem li hu m’għandu qatt jikkonsidra ruħu superjuri għas-sieħba tiegħu, tkun min tkun u jinforza ruħhu fuqha kontra x-xewqa tagħha. Il-‘le‘ tas-sieħba tiegħu għandha tfisser ‘le’ u għalhekk propju minħabba dan l-aġir kriminuż, disrispettuż, abbużiv u ta’ stmerrija l-akkużat għandu llum jiffaċċja l-id iebsa tal-Qorti fil-piena li ser tiġi erogata fil-konfront tiegħu.”
Intqal li “l-Qorti hi konxja tal-fatt li hija għandha żżid il-piena fir-rigward tar-reati li tagħhom qed jinsab ħati minħabba l-aggravanti però għandha diskrezzjoni tagħha jekk għandiex iżżid il-piena bi grad jew tnejn għax huwa reċediv. F’dan il- din mhux l-ewwel darba li l-akkużat abbuża mill-vittma, illi r-reati seħħew fi żmien propju meta l-vittma kienet tqila bit-tarbija tiegħu u fiż-żmien meta kienet totalment dipendenti fusu, l-Qorti hija tal-fehma illi piena m’għandiex tingħata lejn il-minimu tagħha, għalkemm dejjem fil-parametri tal-liġi.” Il-Qorti varjat il-piena inflitta u minflok dik ta’ tnejn u għoxrin sena priġunerija, ikkundannatu għal piena ta dsatax-il sena prinġunerija. Tikkonferma s-sentenza appellata fil-bqija.



