Sar magħruf li l-Ufficjal Korrettiv li fil-jiem li għaddew ġie liberat minn akkużi li abbuża minn priġuniera ta’ 15-il sena fl-2018, issa nbeda l-proċess sabiex jerġa’ jidħol lura għax-xogħol.
Dan iddikjarah is-Segretarju tat-Taqsima GWU Korpi Dixxiplinati, Uffiċjali tas-Sigurtà u Infurzar tal-Liġi Theo Vella f’messaġġ b’reazzjoni għas-sentenza tal-Qorti tal-Appell Kriminali preseduta mill-Imħallef Consuelo Scerri Herrera.
Is-Segretarju Vella radd ħajr lil dawk kollha kkonċernati tal-koperazzjoni tagħhom u qal li se nibqgħu nagħtu s-servizz kollu meħtieg lill-membru tagħna vittma t’allegazzjonijiet serji.
Joseph Zammit ta’ 58 sena kien tressaq il-Qorti mixli li aktar minn ħames snin ilu pparteċipa f’attivitajiet sesswali ma’ minorenni u li ssoġġetta lilha u lil ħabiba tagħha għal xi att ta’ intimità fiżika jew li talab favuri sesswali mingħandhom. Waħda mit-tfajliet kienet ukoll akkużatu li stupraha.
Din l-allegata vittma kienet akkużat lil Zammit b’avvanzi sesswali, b’kummenti sesswali li allegat li kien jgħaddilha. Allegat ukoll li l-uffiċjal korrettiv kien jidħol fuqha waqt li kienet tkun tinħasel, jinqeda bil-vulnerabilità tagħha u jistedina tipparteċipa f’atti sesswali.
Zammit iżda baqa’ jsostni l-innoċenza tiegħu, b’kollegi tiegħu jixhdu fil-Qorti kemm kien raġel eżemplari u li dejjem sabu għajnuna mingħandu. Wieħed mix-xhieda kien enfasizza li l-allegata vittma kienet tkun aggressiva u nervuża fuq l-uffiċjali nisa u anke fuqhom u saħansitra tkellimhom b’mod baxx u toffendihom.
Wara li semgħet il-każ, il-Qorti tal-Maġistrati kienet iddeċidiet li dan kien każ ċar ta’ storja vvintata fejn anke ddeskriviet lill-allegata vittma bħala “makakka” u konsegwentement illiberatu mill-akkużi. L-Avukat Ġenerali mbagħad kien appella mis-sentenza.
Quddiem il-Qorti tal-Appell, instema’ kif tressqu bosta xhieda li kkonferma kemm Zammit kien serju f’xogħlu u li kien persuna bieżla. Instema’ wkoll kif l-imputat ma kienx imur fid-diviżjoni tan-nisa qabel ma jċempel lil gwardjana mara u jgħidilha li kien dieħel. Apparti minn hekk, waqt li kienu jkunu għassa mal-priġunieri, l-akkużat fl-ebda ħin ma kien jitħalla waħdu mal-priġunieri nisa.
Il-Qorti rat ukoll il-fedina penali tal-allegata vittma u l-ħabiba tagħha minn fejn irriżulta li t-tnejn li huma “ma kinux novelli” tant li t-tnejn li huma għandhom diversi reati reġistrati minkejja l-età tenera li kellhom. Dan ukoll isaħħaħ it-teżi tad-Difiża li ma kinux se jiddejqu jiffabbrikaw storja fil-konfront ta’ persuna li kienet innoċenti u dan bħala forma ta’ revenge. Jingħad li f’dan il-każ, kif stqarret l-allegata vittma stess, hija riedet tpejjep u kienet ilha tistaqsi lill- ak kużat għal lighter u dan dam ħafna ma jagħtihielha jekk fil-fatt verament tahielha.
Hawnhekk ukoll l-allegata vittma tbiddel il-verżjoni tagħha għaliex għall-ewwel tgħid li ġabitha mill-Qorti meta kellha seduta lejliet tal-inċident u lis-social worker qaltilha li kien l-akkużat li tahielha.
L-akkużat kif tajjeb ukoll osservat l-Ewwel Qorti għażel li jixhed u jagħti spjega għad-domandi kollha li sarulu u dan b’mod kostanti u kredibbli. Fl-ebda ħin ma kien evażiv u ta spjega ta’ kull domanda li ġiet imposta lilu. Dan jikkontrasta max-xhie da tal-allegati vittmi li f’ħin minnhom kienu evażivi u inċerti.
Fid-dawl ta’ dan kollu, il-Qorti tal-Appell qalet li ma tarax għaliex ma kellhiex tikkonferma s-sentenza mogħtija mill-ewwel Qorti li għażlet li temmen lill-akkużat u tiskarta x-xhieda tal-vittmi u dan fid-dawl tal-karattru vendikattiv tagħhom.
Kien għalhekk li kkonfermat is-sentenza fl-intier tagħha u għal darba oħra lliberat lil Zammit minn kull imputazzjoni u piena. Għal Zam mit dehru l-Avukati Franco Debono u Herman Mula.