Il-familja ta’ Nicolette Ghirxi, li x-xahar li għadda nqatlet fl-appartament tagħha f’Birkirkara, flimkien mal-Avukati tagħhom Matthew Xuereb u Joseph Borda, ilbieraħ iltaqgħu mal-Ministri Michael Falzon, Jonathan Attard u Byron Camilleri fejn jidher li hemm “rieda tajba” tant li fil-jiem li ġejjin se jibdew jiddiskutu t-termini ta’ referenza ta’ inkjesta indipendenti.
F’kitba fuq il-midja soċjali bħala aġġornament dwar l-eżitu ta’ din il-laqgħa, Dr Borda qal li l-familja kienet ċara li trid li l-inkjesta tkun miftuħa u wiesgħa mentri l-Gvern irid li tintuża l-inkjesta li ħabbar il-Ministeru tal-Politika Soċjali u d-Drittijiet tat-Tfal u jitwessgħu t-termini ta’ referenza bi qbil mal-familja.
Saħaq li min-naħa legali diġà wrew it-tħassib ta’ din il-formula għaliex il-liġi hi ċara li Ministru jista’ jiftaħ inkjesta biss dwar xi ħaġa li taqa’ taħt ir-responsabbiltà tiegħu, il-bqija l-Prim Ministru biss jista’ jiftaħ inkjesta bi skop wiesgħa skont Artikolu 4 tal-Att tal-Inkjesti. “Għalissa ħa naraw fejn se naslu fuq it-termini ta’ referenza,” temm jgħid l-Avukat Borda.