Wednesday, April 24, 2024

Jidħlu jisirquhom wara li rawhom ħerġin mid-dar… żewġt irġiel kkundannati seba’ snin ħabs bejniethom

Aqra wkoll

Żewġt irġiel intbagħtu seba’ snin ħabs bejniethom wara li nstabu ħatja li serqu minn residenza, li tinsab fi Triq il-Knisja, in-Nadur, Għawdex. 

L-irġiel huma Juanito Jimenez ta’ 28 sena mill-Ħamrun u Jonathan Degiorgio ta’ 36 sena minn Santa Venera. Huma kienu miixlija li wettqu s-serqa nhar is-26 ta’ Awwissu 2018, bejn it-8.00 p.m. u l-10.00 p.m. u għamlu ħsara fil-prorpjetà ta’ ħaddieħor. 

Mill-provi mressqa quddiem il-Maġistrat Joseph Mifsud irriżulta li s-serqa seħħet meta l-koppja Carmel u Jane Bigeni kienu għadhom kif ħarġu mid-dar tagħhom u marru bil-karozza sa ħdejn il-Fortizza ta’ Chambray viċin il-Knisja tal-Madonna ta’ Lourdes. 

Meta kienu se jitilqu mid-dar, Carmel innota karozza bajda fl-inħawi. Kif is-sewwieq, li l-parte civile għarfu li kien Jimenez, qabad Triq Ħanaq dan irriversja għal fuq ir-roundabout tant li nħolqot konfużjoni fit-traffiku li kien għaddej.

Il-parte civile ra wkoll vettura oħra ta’ lewn griż, tieqaf maġenb din il-vettura u ra liż-żewġ sewwieqa jitkellmu bejniethom. Meta mbagħad il-koppja rritornaw lura f’darhom, sabu d-dar sgassata u d-dar kollha mqallba. 

Sadanittant, xhud li nzerta kien għadej minn quddiem ir-residenza ra żewġ persuni ħerġin mid-dar u mar minn jeddu jirrapporta fl-għassa tal-pulizija. Iktar tard, il-pulizija rnexxielhom jintraċċaw waħda mill-vetturi u fil-kumpanija tas-sewwieq (Jimenez) sabu wkoll lil Degiorgio.

Ipparkjata ħdejn il-vettura kien hemm ukoll vettura oħra, li l-parte civile għaraf li kienet l-istess waħda li waqfet qrib id-dar tiegħu, meta ra liż-żewġ sewwieqa jitkellmu ma’ xulxin. 

Meta ż-żewġt irġiel ġew arrestati mill-Pulizija, dawn skoprew li fil-ħinijiet ta’ wara s-serqa, kienu nefqu aktar minn €300 f’ristorant f’Marsalforn. Fuq Degiorgio nstabu €550 u fuq Jimenez instabu €540.  Fid-dar tal-koppja, binthom kellha wkoll €1,300 li spiċċaw insterqu u ma ġewx irkuprati. 

Fis-sentenza tiegħu, il-Maġistrat Mifsud innota kif il-Prosekuzzjoni rnexxielha tipprova l-każ tagħha, fejn irriżulta li ż-żewġt irġiel kienu daħlu fir-residenza tal-familja Bigeni u kkommettew is-serqa u l-ħsarat li huma akkużati bihom.

Il-Maġistrat Mifsud saħaq illi min jiġġudika għandu mhux biss iħares l-interessi tal-persuna kkundannata iżda wkoll għandu jara li jħares l-interessi tal-vittma jew vittmi tar-reat u s-soċjetà inġenerali.

Żied jistaqsi: “huwa sewwa li koppja toħroġ minn darha u x’ħin tmur lura ssib li xi ħadd daħlilhom u serqahom? Huwa sewwa li f’Għawdex ikollok min jitla’ flok biex jiddeverti u ma jdejjaq lil ħadd, jispiċċa joħloq trawma lil familja bl-aġir tiegħu? Huwa sewwa li hawn f’Għawdex dawk li l-Qorti ssejħilhom “tour leaders” fejn jindikaw lil persuni li jgħixu Malta fejn iridu u lil min jisirqu?”

Il-Maġistrat Mifsud sostna li għalhekk il-Qorti ma tistax tibqa’ ċassa meta jkollha każijiet bħal dawn quddiemha u kundanna lil Jimenez erba’ snin priġunerija u lil Degiorgio tliet snin priġunerija. Dan filwaqt li ordnalhom biex fi żmien sitt xhur iħallsu bejniethom is-somma ta’ €1,300 lil Carmel Bigeni.

Finalment, il-Qorti ordnat ukoll il-konfiska tal-vetturi li kienu fil-pussess tal-ħatja fil-ġurnata tas-serqa. 

Sport