Wednesday, April 24, 2024

Investiment ta’ €300,000 f’tisbiħ fuq ix-xatt tax-Xemxija

Aqra wkoll

Ġie inawgurat investiment ta’ €300,000 ta’ tisbiħ fuq ix-xatt tax-Xemxija. Dawn ix-xogħlijiet li bdew u tlestew f’temp ta’ tliet xhur, involvew rinovar tar-railing tax-xatt, titjib sostanzjali fil-pavimentar, aktar żoni ambjentali kf ukoll bankijet u dwal ġodda.

Dawn id-dettalji tħabbru f’konferenza tal-aħbarijiet mill-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo fil-preżenza tal-Kap Eżekuttiv tal-Awtorità Maltija għat-Turiżmu Johann Buttigieg. 

F’kelmtejn tal-okkażjoni, il-Ministru għat-Turiżmu u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Clayton Bartolo ddeskriva dan il-proġett bħala l-ewwel wieħed tax-xorta tiegħu li b’mod simboliku qiegħed iwassal biex minn sempliċiment manutenzjoni mmorru għal riġenerazzjoni f’dak li għandu x’jaqsam ma’ infrastruttura turistika. 

“Ma jagħmel l-ebda sens li ninkoragġixxu lill-privat biex jinvesti mingħajr ma nagħmlu l-parti tagħna bħala Gvern. Din għandha tkun il-mentalità ġdida li rridu nembarkaw fuqha fiż-żmien li ġej. Il-kwalità u d-dettall li rridu nkomplu nidħlu fih jibqa’ kruċjali biex inkomplu ntejbu l-prodott turistiku li noffru bħala pajjiż,” saħaq il-Ministru Clayton Bartolo. 

Il-Ministru Clayton Bartolo elenka li dan il-proġett huwa bbażat fuq il-prinċipji tal-effiċjenza, aċċessibilità, sostenibbilità.

“L-għan tagħna huwa li nirregalaw lill-poplu tagħna u t-turisti iżjed spazji u żoni li jkunu aċċessibbli għal nies ta’ kull eta. Iż-żminijet diffiċli li għexna f’dawn l-aħħar xhur, iġgħagħluna ngħożżu iżjed minn qatt qabel il-libertà li ngawdu lill-għeżież tagħna f’pajjiż isbaħ milli kellna qabel il-pandemija, rrimarka l-Ministru Clayton Bartolo.

Intant, min-naħa tiegħu l-Kap Eżekuttiv tal-MTA Johann Buttigieg saħaq li l-MTA ser tibqa’ kommessa li tkompli tagħti l-appoġġ tagħha, biex jibqa’ jsir dan it-tip ta’ investiment sabiex nassiguraw li l-prodott turistiku jibqa’ jkun wieħed ta’ kwalità u sostenibbli.

Sport