Monday, February 10, 2025

Jiffranka tliet xhur ħabs dwar feriment ħafif tal-eks sieħba

Aqra wkoll

Raġel ta’ 33 sena kellu s-sentenza tiegħu mibdula minn waħda ta’ ħabs effettiv għal sospiża wara li l-Qorti tal-Appell laqgħet it-talba tiegħu. Hu kien instab ħati li fera ħafif lill-eks sieħba tiegħu f’Ħal Tarxien.

Il-każ kien seħħ fis-7 ta’ Diċembru tal-2022 fejn dakinhar kellu argument mas-sieħba tiegħu. Hu ġie akkużat ukoll li ħebb sabiex jinġurja, idejjaq jew jagħmel ħsara lill-vittma, li għamel inġurji jew theddid, b’mod li ħareġ barra mil-limiti tal-provokazzjoni.

Fil-Qorti ntqal li l-koppja għandhom tliet itfal. Minn investigazzjoni li kienet saret kien irriżulta li s-sieħba kienet sabet xi messaġġi fuq il-mobile tal-akkużat u kienet iddeċidiet li twaqqaf ir-relazzjoni ta’ bejnithom. Dakinhar tal-każ huma kellhom seduta l-Qorti, u r-raġel kien insista li kien se jwassalha hu.

Wara li s-sieħba baqgħet tinsisti li ma tmurx miegħu l-Qorti, qam argument fejn l-akkużat beda jakkużaha li hija kellha lil xi ħadd ieħor. Kien hawn li s-sieħba qalet li hu ħebb għaliha u beda jgħajjarha. 

Ir-raġel kien għażel li ma jgħatix ix-xhieda tiegħu quddiem l-Ewwel Qorti. Whitney Hili, uffiċjal tal-Pulizija li kienet tkellmet mal-akkużat qalet li hu kien qallha li jista’ jkun li laqatha f’wiċċha meta ħadilha n-nuċċali minn wiċċha, liema nuċċali kien rigal tiegħu.

Wara li ġie kkundannat 3 xhur ħabs, ir-raġel appella mis-sentenza fejn qal li kien hemm żbalji fil-provi li saru mill-Ewwel Qorti.

Sostna li hu m’għandu għalfejn jipprova xejn u li kienet il-Prosekuzzjoni li kellha tipprova l-każ quddiem il-Qorti u fil-każ tiegħu ma kienet ressqet l-ebda prova. Ikompli li kunflitt fil-provi jrid imur favur tal-persuna akkużata. Fl-appell hu qal li l-Prosekuzzjoni naqset li tipprova l-każ tagħha lil hinn minn kull dubju dettat mir-raġuni u li għalhekk l-Ewwel Qorti kellha tilliberah anke fuq nuqqas ta’ provi.

Fl-appell ir-raġel jgħid li meta xehdet l-eks sieħba tiegħu ma kinitx ċerta mid-data li fiha seħħ l-inċident, u kien l-avukat tagħha li qalla meta kien seħħ. 

Għalhekk ix-xiehda tagħha ma tistax titqies bħala waħda kredibbli. 

Hu lmenta wkoll li ċ-ċertifikati mediċi tal-feriti ħfief sofferti mill-parte civile mhumiex konsistenti u mhumiex maħlufa.

Stqarr li hu obbligu li titressaq l-aqwa prova u li ċ-ċertifikati msemmija kellhom jiġu skartati. Apparti dan hu qal li hemm kunflitt bejn iż-żewġ ċertifikati, b’dana illi meta l-parte civile marret tirrapporta dakinhar tal-inċident hija ppruvat tesaġera dak li kienet qiegħda tħoss.

Fit-tielet ilment tiegħu, ir-raġel qal li t-tfal ma kinux preżenti meta seħħ dan kollu u dan hu kontra dak li qalet il-Qorti fis-sentenza tagħha.

Hu jkompli jispjega li dakinhar huma kienu marru ġabru lit-tfal mingħand in-nanniet u marru jieklu. Mir-rapport li kien sar lill-pulizija hu kien qalilha biex tmur bil-kwiet. Kien hawn li hu kien niżel mill-vettura, imbotta lill-vittma, beda joffendiha u jgħidilha li ried il-flus li kien nefaq fuq xufftejha u fuq il-mobile.

Ir-raġel qal li minkejja li l-minuri setgħu raw u semgħu xi kliem mhux xieraq, ma jfissirx li kienu preżenti waqt li seħħ il-każ  dan minħabba li l-argument il-kbir bejn il-partijiet kien diġà seħħ mingħajr il-preżenza tat-tfal.

Min-naħa tiegħu fir-risposta li ppreżenta l-Avukat Ġenerali qal li fir-rwol tagħha, din il-Qorti ma tiddisturbax id-diskrezzjoni tal-Ewwel Qorti jekk hija, mill-provi mressqa quddiemha setgħet tasal għal konklużjoni li waslet għaliha.

Qal ukoll li rigward l-ilment marbut mal-inċertezza fid-data tal-inċident, l-Avukat Ġenerali jispjega li anke jekk għal grazzja tal-argument il-parte civile insiet id-data tal-inċident, dan ma jwassalx sabiex ix-xiehda ma titqiesx kredibbli.

L-Avukat Ġeneral qal li f’dak il-mument l-eks sieħba kienet emozzjonata u anke kellha biża’. Apparti dan ġie nnutat li x-xhud tat ix-xhieda tagħha kważi sena u nofs wara u għalhekk id-dettalji ma jibqgħux friski. 

Dwar iċ-ċertifikati, l-Avukat Ġenerali jgħid li anke jekk ma kinux maħlufa, xorta huma provi biżżejjed u juri li verament seħħ dak li kien akkużat bih l-akkużat. 

Rigward il-punt li dawn iċ-ċertifikati huma kunfliġġenti, l-Avukat Ġenerali jispjega x’kienu s-sejbiet tal-ewwel tabiba u jinnota li l-parte civile ntbagħtet l-isptar għal verifiki ulterjuri.

Min-naħa tagħha l-Qorti tal-Appell preseduta mill-Imħallef Neville Camilleri, qalet li ma tħossx li ċertifikat mediku għandu jiġi dejjem konfermat bil-ġurament sabiex jintuża bħala prova, però f’każ li jkun hemm allegazzjonijiet oħra.

Il-Qorti tal-Appell qalet ukoll li għalkemm il-vittma waqt ix-xhieda tagħha kellha diffikultà biex tiftakar ċertu dettalji bħal meta ġiet mistoqsija dwar l-ikel, dan ma jnaqqas xejn mill-kredibbiltà tal-verżjoni mogħtija minnha.

Dwar il-ġrieħi li sofriet l-eks sieħba tal-akkużat, il-Qorti tal-Appell tgħid li rigward in-natura tal-ġrieħi rappurtati mill-parte civile, mhux minnu dak li jgħid l-appellant u ċioè li kienu biss sintomi rappurtati minnha lit-tabiba daqslikieku kienet qed tivvinta. Din il-Qorti tara li hemm rappurtat kemm in-nefħa fuq il-wiċċ u n-nefħa fuq ix-xedaq, dejjem fuq in-naħa tal-lemin.

Fis-sentenza tagħha l-Qorti tal-Appell qalet li n-nefħa u t-tbenġil li anke ġew ippreżentati b’ritratti, huma riżultat ta’ dak li seħħ bejn il-koppja. 

Rigward it-tliet ilment li ressaq l-akkużat li t-tfal ma kinux preżenti u raw dak li ġara, il-Qorti tal-Appell qalet li kienet konvinta li l-minuri raw kollox.

Il-Qorti tal-Appell tgħid ukoll li l-Ewwel Qorti fis-sentenza tagħha qalet li “Iktar tard xħin din ħarġet mill-karozza dan imbuttaha fil-preżenza ta’ wliedhom… Għalhekk l-Ewwel Qorti kienet ben konxja tal-fatt li l-preżenza tal-ulied ġiet wara, u ċioè meta seħħet l-aħħar parti tal-aggressjoni.”

Wara li analizzat is-sentenza tal-Ewwel Qorti, il-Qorti tal-Appell laqgħet parti mill-appell u għalhekk rriformat is-sentenza.

Kien għalhekk li kkonfrmat il-parti tas-sentenza fejn sabet lill-akkużat ħati tal-akkużi kollha kontrih, iżda “tħassar u tirrevoka dik il-parti tas-sentenza appellata fejn hu ġie kkundannat tliet xhur priġunerija u minflok tikkundannah għall-perjodu ta’ tliet xhur priġunerija sospiżi għal perjodu ta’ sena.”

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport