Tuesday, April 1, 2025

Jiftħu l-applikazzjonijiet għal l-iSkolaSajf 2025

Aqra wkoll

L-applikazzjonijiet għall-edizzjoni ta’ din is-sena ta’ SkolaSajf fetħu llum 24 ta’ Marzu. Dan tħabbar waqt żjara fl-Iskola Primarja tal-Imsida li matulha ngħataw dettalji dwar SkolaSajf 2025 u tnieda l-logo għal din is-sena. Il-logo magħżul huwa mnebbaħ minn disinn ta’ Javad Schembri li rebaħ il-kompetizzjoni għad-disinn tal-logo għal din is-sena. L-istudent huwa tal-Iskola Primarja tal-Imsida fejn saret it-tnedija.

L-edizzjoni ta’ SkolaSajf ta’ din is-sena se jkollha t-tema ‘Gżejjer Maġiċi’, u kemm it-tema kif ukoll il-logo jenfasizzaw il-faxxinu u s-sbuħija li joffru l-gżejjer Maltin.

“Bħal edizzjonijiet ta’ qabel din, din is-sena SkolaSajf se tkun servizz eċċellenti li jirrifletti r-realtajiet u l-bżonnijiet tas-soċjetà li qed ngħixu fiha, u matul it-tmien ġimgħat ta’ din l-edizzjoni t-tfal se jiġu mistiedna għal vjaġġ affaxxinanti madwar Malta u Għawdex biex jiskopru marki tanġibbli u intanġibbli fuq il-kultura, is-sbuħija naturali u l-istrutturi soċjali ta’ pajjiżna,” qal il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni Clifton Grima.

Is-servizz ta’ SkolaSajf jitwassal minn Skejjel Primarji tal-Istat u mill-5 Ċentri tar-Riżorsi madwar Malta u Għawdex, mit-Tnejn sal-Ġimgħa u jkun operattiv mid-9 ta’ Lulju sat-8 ta’ Awwissu 2025, u mit-18 ta’ Awwissu sal-5 ta’ Settembru 2025. Is-servizz fl-iskejjel mainstream jiġi offrut bejn it-08:30 u n-12:30. Servizz estiż għall-ġenituri li jaħdmu se jkun offrut fiċ-ċentri magħżula, bejn is-07:00 u t-08:30, u bejn in-12:30 u l-17:30.

Minbarra l-Manwal tal-Programm li jiggwida lill-impjegati ta’ Skolasajf fuq l-attivitajiet maħluqa biex jesploraw it-tema ewlenija ‘Gżejjer Maġiċi’, hemm ukoll Programm ta’ Sports u Logħob, Programm ta’ Arti Performattiva fiċ-ċentri magħżula, sensiela ta’ żjarat, u programm kumplimentari ma’ msieħba fis-settur.

Din is-sena wkoll hemm ftehim bejn il-Fondazzjoni għas-Servizzi Edukattivi, il-Ministeru għal Għawdex u Aġenzija Sapport li permezz tiegħu se jingħata appoġġ lill-Voice for Inclusion biex joperaw is-servizz fiċ-Ċentru tar-Riżorsi ta’ Ta’ Sannat, Għawdex.

Il-Ministru Grima ddeskriva dan is-servizz bħala wieħed ta’ suċċess, bl-applikazzjonijiet li qed jiżdiedu minn sena għal sena. Filwaqt li fl-2020 kien hemm 7,849 applikazzjoni, is-sena li għaddiet daħlu aktar minn 12,100 applikazzjoni.

Permezz ta’ Skolasajf, eluf ta’ studenti qed jingħataw servizz estiż ta’ edukazzjoni bit-tfal li jattendu jibbenefikaw minn programm ta’ attivitajiet edukattivi informali marbut mat-tema permezz ta’ attivitajiet, ħarġiet u logħob sportiv fost oħrajn.

Matul it-tnedija tal-lbieraħ filgħodu, il-Ministru Grima għamel sessjoni ta’ qari mal-istudenti tal-Iskola filwaqt li qassam premji lit-tlett itfal li ġew fl-ewwel tliet postijiet fil-kompetizzjoni għad-disinn tal-logo ta’ din is-sena.

 L-applikazzjonijiet se jibdew jintlaqgħu online mil-lum sat-2 ta’ Mejju fuq is-sit https://services.fes.gov.mt/, jew minn kull hub ta’ servizz.gov.

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport