Thursday, April 18, 2024

Jiġi ffirmat konvenju bil-għan li l-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 ma’ tibqax f’riskju ta’ żgumbrament

Aqra wkoll

Il-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali daħal f’konvenju mas-sidien tal-sede tal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906 bil-għan li l-proprjetà tinxtara u b’hekk din is-soċjetà mużikali  tiġi protetta minn riskju imminenti ta’ żgumbrament. Din l-għaqda kienet f’dan ir-riskju minħabba s-sitwazzjoni legali marbuta mal-liġijiet tal-kera ta’ qabel l-1995.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici spjega l-ħidma li qed issir biex jiġu salvati l-każini tal-baned li jinsabu f’riskju ta’ żgumbrament u qal li din il-ħidma tieħu importanza ikbar fid-dawl tal-fatt li l-festa Maltija hija issa meqjusa bħala Wirt Intanġibbli tal-Umanità mill-UNESCO.

Il-ministru saħaq li b’dan il-konvenju, il-Gvern qiegħed għal darb’oħra sema’ u ddiskuta biex wasal għal soluzzjoni u aġixxa korrettament kemm mas-sidien u kif ukoll mas-soċjeta’ mużikali nnifisha. Huwa spjega li fil-mument li jsir il-kuntratt finali, din il-proprjetà se tingħaqad mal-portafoll ta’ proprjetajiet li huma lkoll sede ta’ soċjetajiet mużikali li qed jiġu mmaniġġjati minn sezzjoni apposta  fi ħdan il-Kunsill Malti għall-Arti.  

L-investiment li l-Gvern alloka għall-akkwist ta’ din il-proprjetà huwa ta’ aktar minn €2.8 miljun.

B’kollox huma ħamsa, is-sede ta’ soċjetajiet mużikali li nxtraw mill-Ministeru b’sebgħa oħra, li jinkludu dak mal-Għaqda tal-Mużika San Gejtanu AD 1906, jinsabu fuq konvenju.

Meta jsiru l-akkwisti rispettivi, l-investiment totali biex jiġu salvati dawn is-soċjetajiet mużikali se jkun qed ilaħħaq id-€19-il miljun.

Id-Direttur għall-Affarijiet Korporattivi, Eric Fenech Sevasta stqarr li “Dan l-investiment huwa parti minn katina ta’ inizjattivi simili li għandhom l-għan li jseddqu l-komunitajiet u t-tradizzjonijiet li jagħmluna Maltin, dejjem b’mod sostenibbli.”

Ekonomija

Sport