Jiġi fi tmiemu l-Festival tal-Isports Urban fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa

Aqra wkoll

Ġie fi tmiemu l-Urban Sports Festival organizzat mill-Malta Street Sports Alliance bil-kollaborazzjoni tal-Ministeru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali u l-Malta Trust Foundation, fost l-oħrajn. Il-festival ittella’ fuq tlett ijiem fil-Bajja s-Sabiħa ta’ Birżebbuġa.

Din kienet il-ħames sena konsekuttiva li ġie organizzat dan il-festival u fih ipparteċipaw atleti Maltin flimkien ma’ oħrajn mill-Greċja, il-Kolumbja, il-Latvja, l-Istati Uniti tal-Amerika, il-Ġermanja u Franza. Il-kompetizzjonijiet li ġew organizzati matul it-tlett ijiem tal-festival kienu għal atleti li jipprattikaw il-BMX, skateboarding, scooter, roller skating, parkour, breaking, panna football u 3×3 basketball li kollha jaqgħu fil-kategorija ta’ Urban Sports.

L-għan ewlieni tal-festival huwa li jinħolqu opportunitajiet għall-atleti Maltin li diġà jipparteċipaw f’dan l-isport u anke jħajru aktar atleti żgħar lejn dan l-isport. Waqt il-festival, il-familji Maltin setgħu jgawdu mill-ispettaklu sportiv li pprovdew l-atleti flimkien mal-attivitajiet li ġew organizzati b’attrazzjonijiet għat-tfal fosthom bouncy castles, animaturi u face painting għat-tfal, mużika u opportunitajiet għal sportivi Maltin li jipparteċipaw f’sessjonijiet ta’ taħriġ f’dan it-tip ta’ sport.

Il-Ministru għaż-Żgħażagħ, il-Benesseri u l-Implimentazzjoni tal-Programm Elettorali Omar Farrugia żar lill-parteċipanti tal-festival u ppreżenta l-premjijiet lir-rebbieħa fi tmiem lejla ta’ attivitajiet sportivi.

Waqt diskors, il-Ministru Farrugia rringrazzja lill-Malta Trust Foundation u lill-organizzaturi filwaqt li ferħilhom għas-suċċess li kisbu fl-organizzazzjoni tal-festival ta’ dan is-sena. “F’dan il-festival tfal, żgħażagħ u familji ngħaqdu flimkien f’spettaklu ta’ divertiment u logħob kompetittiv. Dawn huma l-attivitajiet li rridu naraw għall-familja kollha u nħarsu ’l quddiem biex dawn l-inizjattivi nkomplu nsaħħuhom sena wara l-oħra,” qal il-ministru.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport