Il-Bank of Valletta b’kollaborazzjoni mal-World Savings and Retail Banking Institute (WSBI), organizza l-ewwel edizzjoni tal-BOV Social Week, li għaqqdet flimkien lill-impjegati tal-Bank għal ġimgħa ta’ azzjonijiet sinifikanti b’appoġġ għal inizjattivi ffukati fuq in-nies, il-komunitajiet u l-ambjent. Imtella’ bejn is-7 u l-11 ta’ Settembru, din il-ġimgħa inkludiet donazzjoni tad-demm, ġbir ta’ oġġetti essenzjali għall-iskola għal tfal li jgħixu fi djar residenzjali, kif ukoll attivitajiet ta’ volontarjat.
Il-ġimgħa fetħet b’attività fejn għadd ta’ impjegati ħallew il-post tax-xogħol tagħhom biex jappoġġjaw il-ħidma ta’ konservazzjoni ta’ BirdLife Malta fir-Riżerva Naturali tal-Għadira. Din l-attività kienet tirrifletti l-impenn tal-Bank li jagħti lura lill-komunità permezz tal-volontarjat. Matul l-ewwel tmien xhur ta’ din is-sena, mal-400 impjegat ibbenefikaw minn jum ta’ leave għall-volontarjat mogħti mill-Bank, u kkontribwew sa 3,200 siegħa ta’ servizz lil għaqdiet mhux governattivi li jaħdmu fis-setturi soċjali u ambjentali.
Matul il-BOV Social Week, madwar 50 impjegat ipparteċipaw f’inizjattiva ta’ donazzjoni tad-demm, bil-maġġoranza tagħhom jagħtu d-demm għall-ewwel darba, permezz tal-Mobile Blood Donation Unit stazzjonat barra l-BOV Centre f’Santa Venera.
Għadd ta’ tfal mill-Fondazzjoni Sebħ u St Joseph Home qattgħu waranofsinhar fl-Internal Street tal-BOV Centre waqt workshop interattiv organizzat b’kollaborazzjoni mal-NGOs Żibel u Nature Trust. L-impjegati taw ukoll donazzjoni ta’ diversi oġġetti essenzjali għall-iskola, li ġew ippreżentati lil Fondazzjoni Sebħ u St Joseph Home miċ-Chief Operations Officer (COO) Ernest Agius waqt l-attività tal-għeluq tal-BOV Social Week. Ir-rispons kien tant ġeneruż li oġġetti addizzjonali se jingħataw b’donazzjoni lil organizzazzjonijiet oħra li jaħdmu mat-tfal.
Bħala parti minn din il-ġimgħa, il-Kap Eżekuttiv (CEO) Kenneth Farrugia u ċ-Chief Operations Officer Ernest Agius żaru l-Karl Vella Foundation u d-Dar tal-Providenza, żewġ organizzazzjonijiet li permezz tal-ħidma tagħhom iħallu impatt pożittiv fuq il-ħajja ta’ bosta persuni. Dawn iż-żjarat offrew opportunità biex jiltaqgħu man-nies li jmexxu dawn l-organizzazzjonijiet, jifhmu aħjar il-ħidma importanti tagħhom, u jsaħħu mill-ġdid l-impenn tal-BOV lejn kawżi li jagħtu kura, dinjità u appoġġ lill-komunità.
F’kummenti dwar l-ewwel Social Week li organizzata mill-Bank of Valletta, is-Sur Farrugia u s-Sur Agius irringrazzjaw lill-impjegati kollha li pparteċipaw u li permezz tal-isforz kollettiv tagħhom, għenu biex l-appoġġ tal-Bank jilħaq aktar nies u komunitajiet. Qalu, “Is-Social Week ipprovdiet opportunità oħra għalina fil-BOV biex nagħtu lura lis-soċjetà u nappoġġjaw entitajiet differenti. Din saħħet l-impenn tagħna lejn kawżi li jagħmlu differenza fil-ħajja tan-nies, isaħħu l-komunitajiet u jgħinu biex jitħares l-ambjent ta’ madwarna.”
Il-BOV Social Week ġiet ikkoordinata mit-Tim tar-Responsabbiltà Soċjali Korporattiva (CSR) tal-BOV, immexxi minn Charles Azzopardi, Head of CSR, Events and Business Alliances. Huwa rringrazzja lit-tim tiegħu tal-ħidma u d-dedikazzjoni tagħhom fl-organizzazzjoni ta’ din il-ġimgħa, u rrikonoxxa wkoll ir-rispons qawwi tal-impjegati, li bil-parteċipazzjoni tagħhom għenu biex l-ewwel edizzjoni tal-BOV Social Week tkun suċċess.
