Il-ħinijiet tas-servizz Silver T ġew estiżi bil-għan li l-anzjani jingħataw aktar flessibbiltà u aċċess aħjar għat-trasport, sabiex ikunu jistgħu jwettqu l-qadi tagħhom fil-komunità b’mod aktar indipendenti.
Dan tħabbar waqt konferenza tal-aħbarijiet indirizzata mis-Segretarju Parlamentari responsabbli mill-Anzjanità Attiva, Deo Debattista fil-preżenza tas-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Steve Agius, u r-rappreżentant tas-servizz tas-Silver T, Yaser Teebi.
L-estensjoni tal-ħinijiet tas-servizz Silver T hija wegħda tal-manifest Int Malta li qed titwettaq fl-ewwel mitt jum ta’ dan il-Gvern. Din il-miżura tkompli ssaħħaħ l-impenn tal-Gvern favur anzjanità aktar attiva, indipendenti u dinjituża.
Is-servizz Silver T jipprovdi trasport bla ħlas lil persuni li għandhom aktar minn sittin sena u li jeħtieġu assistenza biex iwettqu l-qadi tagħhom fil-komunità. Permezz tiegħu, l-anzjani jistgħu jmorru f’postijiet bħall-bank, is-suq, is-supermarket, iċ-ċentri tas-saħħa u l-Kunsilli Lokali, fost oħrajn, mingħajr ma jkollhom jiddependu kontinwament fuq il-familjari jew il-ħbieb tagħhom.
Dan is-servizz issa qed jopera mit-Tnejn sal-Ġimgħa mis-7.00 ta’ filgħodu sal-4.30 ta’ wara nofsinhar, minflok sas-2.00 ta’ wara nofsinhar. Is-servizz qed jopera wkoll is-Sibt filgħodu, sabiex joffri aktar għażliet u flessibbiltà lill-anzjani li jagħmlu użu minnu.
Mill-bidu ta’ din is-sena sal-aħħar ta’ Ġunju, permezz tas-servizz Silver T saru aktar minn 33,000 vjaġġ, filwaqt li madwar elf persuna jagħmlu użu mis-servizz kull xahar. Minn meta tnieda fl-2019, is-servizz kompla jikber u llum huwa disponibbli fuq livell nazzjonali, kemm f’Malta kif ukoll f’Għawdex.
Is-Segretarju Parlamentari Deo Debattista qal li l-estensjoni tal-ħinijiet hija parti minn viżjoni politika li tqiegħed l-indipendenza, id-dinjità u l-parteċipazzjoni tal-anzjani fiċ-ċentru tad-deċiżjonijiet tal-Gvern. “Għal dan il-Gvern, l-anzjanità attiva mhijiex sempliċiment slogan, iżda politika li qed insarrfu f’servizzi konkreti li jagħmlu differenza fil-ħajja ta’ kuljum tan-nies. Is-servizzi tagħna jridu jadattaw għall-ħajja u għall-ħtiġijiet tal-anzjani, mhux l-anzjani jkollhom jadattaw għas-servizzi,” qal is-Segretarju Parlamentari.
Huwa żied jgħid li wara kull vjaġġ hemm persuna li setgħet tattendi appuntament, twettaq il-qadi tagħha jew tibqa’ attiva fil-komunità, kif ukoll familja li kellha s-serħan il-moħħ li l-qarib tagħha seta’ jasal fejn kellu bżonn b’mod sigur.
Is-Segretarju Permanenti Renzo Degabriele sostna li din l-estensjoni tirrifletti l-impenn kontinwu tal-Gvern biex ikompli jinvesti f’servizzi komunitarji aktar aċċessibbli, flessibbli u ċċentrati fuq il-persuna.
Min-naħa tiegħu, il-Kap Eżekuttiv tal-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità Steve Agius spjega li l-estensjoni tal-ħinijiet se tippermetti li s-servizz jirrispondi aħjar għall-ħtiġijiet tal-anzjani u toffrilhom aktar għażla meta jiġu biex jippjanaw l-appuntamenti u l-qadi tagħhom.
Is-servizz għandu jiġi bbukkjat mill-inqas tlett ijiem qabel il-ġurnata li fiha jkun meħtieġ it-trasport. Aktar informazzjoni dwar Silver T u servizzi oħra offruti mill-Anzjanità Attiva u Kura fil-Komunità hija disponibbli mis-servizzi ta’ informazzjoni tal-aġenzija u mis-sit elettroniku aacc.gov.mt.


