Investiment b’fondi Ewropej f’tagħmir tal-catering modern: Pass ieħor biex in-negozji lokali jsaħħu l-kompetittività tagħhom

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti żar il-kumpanija KG Catering Co. Ltd, intrapriża lokali li bbenefikat minn fondi Ewropej permezz tal-iskemi ta’ għajnuna Business Enhance ffinanzjati mill-Fond Ewropew għall-Iżvilupp Reġjonali (ERDF). Permezz ta’ dan il-proġett kofinanzjat, il-kumpanija ngħatat aktar minn €128,000 f’għajnuna biex tistabbilixxi brand u kunċett ġdid ta’ ristorant f’San Ġiljan, b’investiment dirett f’tagħmir professjonali u sistemi moderni ta’ refriġerazzjoni.

Il-Gvern qed ikompli juri impenn b’saħħtu biex jappoġġja lin-negozji żgħar u medji (SMEs) permezz ta’ fondi Ewropej allokati strateġikament. Fil-fatt, l-iskemi ta’ għajnuna tal-ERDF qed jirreġistraw rispons inkoraġġanti ħafna mill-applikanti, tant li l-Gvern irreġistra impenji li jaqbżu d-€39 miljun permezz ta’ aktar minn 680 Ftehim ta’ Għotja. Dawn l-iskemi joffru għajnuna konkreta f’diversi oqsma essenzjali bħax-xiri ta’ makkinarju u apparat modern, il-proċess ta’ diġitalizzazzjoni, konsulenza fejn jidħol marketing, strateġiji ta’ internazzjonalizzazzjoni, ksib ta’ ċertifikati ta’ standards, kif ukoll studji li jevalwaw ir-riskji, il-benefiċċji u l-opportunitajiet biex jgħinu lin-negozji jieħdu deċiżjonijiet importanti. Din hija għajnuna diretta biex in-negozji tagħna jsiru dejjem aktar produttivi u kompetittivi.

 Fl-indirizz tiegħu waqt iż-żjara, il-Ministru Keith Azzopardi Tanti saħaq fuq ir-rwol ċentrali tal-intrapriżi lokali u stqarr li “in-negozji żgħar u medji huma l-pedament u s-sinsla tal-ekonomija f’Malta. Huma dawk li jagħtu l-ħajja lis-suq u jservu bħala sors ewlieni ta’ ħolqien ta’ impjiegi” 

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Servizzi Ewropej f’Malta, Rodrick Zerafa, qal li, “Dan il-proġett huwa eżempju konkret ta’ kif il-fondi Ewropej jistgħu jissarrfu f’investiment dirett u tanġibbli għan-negozji tagħna”.  

Giuseppe Gravina, rappreżentant ta’ KG Catering Co. Ltd esprima s-sodisfazzjon tagħhom għall-appoġġ li ngħataw permezz tal-fondi Ewropej.  

Il-Ministru Azzopardi Tanti fakkar ukoll li l-Gvern nieda t-tieni sejħa tal-iskema ‘Digitalise your SME’ b’allokazzjoni ta’ €15-il miljun, liema sejħa qed iżżid il-limiti tal-finanzjament allokat għal proġetti ta’ Intelliġenza Artifiċjali (AI), appoġġ għall-ispejjeż tal-ħaddiema, u fokus akbar fuq l-adozzjoni responsabbli u produttiva tal-AI. Il-valur massimu tal-għotja jista’ jilħaq €235,400 għal proġetti eliġibbli, b’għajnuna sa massimu ta’ 50% għal investimenti f’Malta u 60% għal investimenti f’Għawdex. Applikazzjonijiet li jinvolvu investimenti konformi mal-Pjan Direzzjonali Strateġiku ta’ Malta għad-Deċennju Diġitali 2023–2030 – u li għalhekk jiżguraw konsistenza mal-objettivi diġitali nazzjonali u dawk tal-UE – se jirċievu żieda addizzjonali ta’ 10% mill-Awtorità ta’ Malta dwar l-Innovazzjoni Diġitali (MDIA), dejjem soġġett għad-disponibbiltà tal-baġit.

 Il-Ministru Azzopardi Tanti temm jgħid li l-impenn tal-Gvern favur is-suċċess kontinwu tan-negozji jibqa’ wieħed sod u determinat. Filwaqt li rringrazzja lil dawk l-intrapriżi kollha li bħalissa qegħdin iwettqu l-proġetti tagħhom, huwa ħeġġeġ lin-negozji biex ikomplu jippreżentaw il-proposti tagħhom ħalli jisfruttaw dawn l-opportunitajiet ta’ finanzjament, ikabbru l-operat tagħhom u jkomplu jsaħħu l-ekonomija ta’ pajjiżna.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport