Tnediet waħda mill-aktar inizjattivi ambizzjużi favur il-bijodiversità, bil-għan li jissaħħu r-reżiljenza ekoloġika u l-immaniġġjar sostenibbli tal-viżitaturi fejn bħala proġett għandu l-għan li jeduka u jinforma lill-pubbliku li jżur dawn is-siti ta’ Natura 2000 dwar l-importanza tagħhom, kif ukoll dwar kif huma stess jistgħu jikkontribwixxu għall-protezzjoni u l-konservazzjoni ta’ dawn iż-żoni, għall-benefiċċju tal-ambjent u sabiex dan il-wirt naturali jiġi ppreservat għall-ġenerazzjonijiet futuri.
Il-Proġett E-CORE (Environmental Connectivity for Optimised Resiliency and Ecosystem Management in Natura 2000 Sites) tnieda mill-Ministru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir Miriam Dalli u mill-Ministru għall-Fondi Ewropej, id-Djalogu Soċjali u l-Protezzjoni tal-Konsumatur Keith Azzopardi Tanti, flimkien ma’ Ambjent Malta u l-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi (ERA).
B’investiment totali ta’ madwar €9 miljun, kofinanzjat minn fondi tal-Unjoni Ewropea u fondi nazzjonali, il-Proġett E-CORE għandu l-għan li jħares ħabitats importanti filwaqt li jtejjeb l-aċċess tal-pubbliku u l-apprezzament lejn il-wirt naturali tal-Gżejjer Maltin.
“Dan il-proġett ambizzjuż jenfasizza l-importanza tal-ambjent naturali ta’ Malta u jirrifletti l-impenn tagħna lejn il-ħarsien tal-bijodiversità, filwaqt li jiżgura li l-ġenerazzjonijiet futuri jkunu jistgħu jkomplu jgawdu u jibbenefikaw mill-wirt naturali uniku ta’ pajjiżna”, qalet il-Ministru Miriam Dalli.
Il-Ministru Keith Azzopardi Tantiqal, “Proġett ambjentali importanti li qed isir b’sinerġija bejn iż-żewġ Ministeri u fejn qed niddedikaw xejn inqas minn €9 miljun. Permezz tal-fondi Ewropej qed inkomplu inwettqu proġetti għat-tgawdija tal-Maltin u l-Għawdxin.”
Il-Proġett E-CORE se jinkludi sensiela ta’ interventi f’diversi siti protetti Natura 2000, b’enfasi fuq ir-restawr tal-ħabitats, il-kontroll ta’ speċi invażivi, il-monitoraġġ ambjentali u l-konservazzjoni tal-fawna selvaġġa.
Id-Direttur Ġenerali ta’ Ambjent Malta, Herman Galea qal “Il-Proġett E-CORE qed isaħħaħ il-protezzjoni tas-siti Natura 2000 ta’ Malta filwaqt li jgħin lin-nies jersqu aktar lejn in-natura”
Il-Kap Xjentifiku tad-Direttorat tal-Proġetti Ambjentali ta’ Ambjent Malta, Alexander Borg Galea, spjega “Permezz tal-Proġett E-CORE, qed nirrestawraw ħabitats ewlenin, qed nipproteġu speċi vulnerabbli, u ntejbu s-siti Natura 2000 sabiex niżguraw li l-wirt naturali ta’ Malta jkun jista’ jitgawda u jiġi mħares mill-ġenerazzjonijiet li ġejjin.”
Il-Kap Eżekuttiv għall-Awtorità għall-Ambjent u r-Riżorsi, Kevin Mercieca qal “Il-proġett importanti E-CORE huwa investiment fin-natura ta’ Malta u jirrappreżenta pass minn protezzjoni legali għall-ġestjoni attiva u r-restawr tal-ekosistemi. Permezz tas-sħubija bejn l-ERA u Ambjent Malta, qed ngħaqdu l-għarfien xjentifiku ma’ xogħlijiet li ser isiru fuq il-post sabiex insaħħu l-konservazzjoni tas-siti Natura 2000 tagħna. Is-suċċess tal-proġett jitkejjel mhux biss mix-xogħlijiet li saru fuq il-post u mill-faċilitajiet il-ġodda disponibbli għat-tgawdija tal-pubbliku, iżda wkoll mill-wirt naturali li jħalli warajh.”
Il-Proġett E-CORE se jinkludi wkoll faċilitajiet ġodda edukattivi u għall-viżitaturi, fosthom it-trasformazzjoni tal-eks Stazzjon tar-Radar tal-Marfa f’Ċentru ta’ Interpretazzjoni Natura 2000 u tal-Fawna ta’ Billejl, kif ukoll l-iżvilupp tal-Buskett Water Heritage Trail.
Permezz ta’ infrastruttura mtejba għall-viżitaturi, kampanji ta’ għarfien u opportunitajiet ta’ taħriġ għall-professjonisti fil-qasam tal-konservazzjoni, se jkompli jiġi appoġġjat l-immaniġġjar sostenibbli taż-żoni protetti ta’ Malta.


