Friday, December 20, 2024

JIĦRAX IT-THEDDID FUQ ĦAJJET PUTIN U SĦABU

Moviment ta’ reżistenza Ukren b’kampanja devastanti ta’ avvelenamenti, eżekuzzjonijiet matul il-lejl u splużjonijiet

Carmen Cachia
Carmen Cachia
Ġurnalista

Aqra wkoll

Iċ-ċirku madwar il-President Russu, Vladimir Putin, qiegħed ikompli jitnaqqar hekk kif alleati, uffiċjali u ħbieb qegħdin jinqatlu wieħed wara l-ieħor minn moviment ta’ reżistenza Ukren. Dawn l-assassinji b’mira ċara huma magħmula bi sparaturi, ħtif, karozzi bomba, velenu u saħansitra attakki b’missili. Bħala l-akbar għadu tal-Ukreni u tal-pajjiżi tal-Punent b’mod speċjali tal-Istati Uniti, Putin jaf li hemm theddida serja fuq ħajtu u jaf ukoll li aktar mal-gwerra fl-Ukrajna tkompli tkisser l-ekonomiji globali, aktar se jiżdiedu u jiħraxu.

F’dik li skont l-esperti hija “sitwazzjoni fejn Putin qiegħed jitpoġġa b’daru mal-ħajt”, hemm assassini kemm Ukreni, kif ukoll Russi, li qegħdin jipprovaw “ineħħuh min-nofs” qabel ma jkun hemm eskalazzjoni tal-gwerra preżenti. L-istess esperti sostnew li t-theddida fuq ħajjet Putin mhiex biss mill-estern, iżda wkoll minn persuni viċin tiegħu stess.

Il-kritika u r-rabja lejn Putin kienet espressa wkoll mill-eks mexxej tal-Unjoni Sovjetika, Mikhail Gorbachev, li miet proprju t-Tlieta li għadda fl-età ta’ 91. Xahar qabel miet ħabib ta’ Gorbachev, Alexei Venidiktov, f’intervista ma’ “Forbess Russia” sostna li l-eks mexxej tal-Unjoni Sovjetika kien ilmenta li x-xogħol kollu li għamel tul ħajtu kien sfuma fix-xejn minħabba l-aġir ta’ Putin. Gorbachev, li kien l-aħħar mexxej tal-Unjoni Sovjetika, kien kruċjali fit-tmiem tal-Gwerra Bierda kif ukoll kien ta aktar libertajiet lill-poplu tiegħu. B’kuntrast, Putin għal dawn l-aħħar xhur qanqal inkwiet u tensjonijiet bl-invażjoni li ordna fl-Ukrajna fi Frar li għadda.

Effiċjenti biex isibu l-miri tagħhom…

L-eks kap tan-NATO, Gary Tabach, li llum il-ġurnata huwa bbażat fi Kyiv, qal li l-forzi Ukreni qegħdin joqtlu sostenituri tal-Kremlin li jinsabu f’territorji okkupati. Min-naħa tiegħu huwa wissa li, “l-Ukreni għandhom immaġinazzjoni fertili, huma innovattivi u huma effiċjenti biex isibu l-miri tagħhom”.

Minn sors ieħor, din id-darba veteran tal-gwerra Amerikan li kien iservi fil-qawwa navali, qal li l-Ukrajna għandha “lista ta’ prijorità” tal-persuni li jridu mejta b’Putin (li tant jobgħoduh) fl-ewwel post. Huwa rribatta li, “Putin ilu fuq din il-lista għal żmien twil minn ħafna nies. Uffiċjali sigrieti Ukreni lesti li jagħmlu l-akbar ħsara possibbli bl-agħar effett fuq in-nies bil-għan li jbeżżgħu lil kull min jikkollabora mar-Russi. Dawn iridu li l-kollaboraturi jkunu jafu li jekk se jaħdmu għall-għadu, iridu jkunu ppreparati li jmutu għax se jsibuhom u joqtluhom”.

Dan it-theddid serju u ċar huwa kkonfermat ukoll minn Yuriy Bereza, kulunell fil-battaljun tal-volontieri f’Dnipro fejn jingħad li, “it-tradituri mhumiex siguri lanqas fir-Russja”.

Huwa qal li s-servizzi sigrieti Ukreni mexjin lejn il-Lvant f’kampanja devastanti ta’ avvelenamenti, eżekuzzjonijiet matul il-lejl u splużjonijiet ta’ persuni viċin Putin. F’intervista Bereza qal li, “jew dawn se jinqatlu mir-Russi għax mhumiex effiċjenti jew inkella jinqatlu meta jerġgħu jokkupaw territorju. Huma biss ftit minnhom li se jkunu fortunati biżżejjed li jibqgħu ħajjin u jispiċċaw f’xi ħabs fl-Ukrajna. Huwa diffiċli mmens li jirnexxielhom jaħarbu lejn ir-Russja”.

Gwerilliera jieħdu f’idejhom is-sitwazzjoni…

It-twissija ċara lil Putin hija stat ta’ fatt hekk kif in-numru tal-persuni alleati tiegħu maqtula qiegħed dejjem jiżdied. Wieħed minnhom huwa Askyar Laishev li miet f’karozza bomba meta kien fi triqtu biex jiġbor lil bintu f’nursery. 

F’rapport minn the “Irish Sun” sa minn qabel bdiet il-gwerra fl-Ukrajna, ġellieda sigrieta magħrufa bħala gwerilliera, bdew jiġu mħarrġa mill-forzi speċjali Amerikani u Ingliżi. Dawn issa qegħdin joqtlu bla ħniena lill-kollaboraturi ta’ Putin bl-iskop uniku li jwerwru lill-oħrajn bħalhom. 

“Iridu li l-kollaboraturi jkunu jafu li jekk se jaħdmu għall-għadu, iridu jkunu ppreparati li jmutu għax se jsibuhom u joqtluhom…”

Wara li dawn jattakkaw jingħad li t-tattika tagħhom hija dik li “jisparixxu” billi jidħlu fin fin fost il-popolazzjoni “normali” biex ma jinqabdux mir-Russi u wara jsibu mezz kif jirritornaw f’territorji siguri. Fil-missjonijiet imdemmija dawn jużaw materjal bħal splussivi, pistoli bis-silencers, rifles tat-tip “Kalashnikov” u bombi tal-idejn.

Gwerrilier minnhom tkellem man-“New York Times” fejn iddikjara li, “l-għan aħħari huwa li ngħaddu messaġġ lil dawk li qegħdin jokkupaw territorju mhux tagħhom. Iridu jifhmu li mhumiex f’darhom, li m’għandhomx jibqgħu fih u li ma jistgħux ikunu b’moħħhom mistrieħ meta jmorru jorqdu”. 

Huwa qal li missjoni minnhom kienet f’għassa tal-pulizija li waqgħet taħt idejn ir-Russi. Beda biex qal li qatgħu d-dwal fit-triq u meta kien hemm dlam ċappa, huwa stess poġġa bomba mar-roti ta’ karozza u splodiet. F’din l-isplużjoni miet pulizija u ieħor sofra ġrieħi. Dan l-attakk seħħ fis-27 ta’ Lulju fejn il-ministru tad-difiża Ukren stess kien ikkonferma li l-attakk sar minn “moviment ta’ reżistenza”. 

Biljunarji Russi rrabjati għax qegħdin jitilfu minn buthom

Imlaqqmin bħala “siloviki” li tfisser “irġiel b’saħħithom”, grupp ta’ biljunarji Russi, jingħadd li qegħdin jiddejqu bil-ħsara ekonomika li qiegħda tiġi kkawżata mill-gwerra fl-Ukrajna. Il-Professur Michael Rochlitz mill-Istitut tal-Ekonomija fl-Università ta’ Bremen fil-Ġermanja, qal li l-persuni potenti u sinjuri fir-Russja għandhom imnejn jieħdu azzjoni jekk Putin jattakka b’bombi nukleari lill-Ukrajna jew inkella jipprovoka xi pajjiż tan-NATO. 

It-theddid fuq ħajjet il-mexxej Russu, fil-fatt, skont ħafna esperti u awturi ta’ kotba fosthom Yuri Felshtinsky li kiteb “Blowing Up Ukraine: The Return of Russian Terror and the Threats of World War III” issuġġerixxa li l-assassinju ta’ Putin jista’ jsir proprju minn persuna b’passaport Russu. Żied li, “il-qtil jista’ jsir minn persuna jew grupp mis-servizzi speċjali tar-Russja”. 

Felshtinsky qal li l-probabbiltajiet huma bejn dawk li jħossu li Putin qiegħed jagħmel ħsara lir-Russja minħabba diżgwid mal-Punent u l-gwerra fl-Ukrajna jew dawk li fl-estemità l-oħra li jħossu li mhuwiex iebes biżżejjed fil-ġlieda preżenti tiegħu. F’kumment ieħor huwa qal li, “il-Ġermaniżi damu erba’ snin biex waslu jikkontemplaw li joqtlu lil Hitler u xorta ma rnexxielhomx”.

Il-vittmi… 

Kherson, l-ewwel belt kbira li ntrebħet mir-Russi, saret epiċentru ta’ attakki ta’ reżistenza. Fost akkużi sparati min-naħa għall-oħra ta’ qtil ta’ persuni innoċenti f’konflitt li nqala’ fuq kwistjoni ta’ territorju, ir-raġuni jingħad li hija minħabba li minn mindu waslu l-forzi ta’ Putin, mijiet ta’ residenti ġew ittorturati u maqtula. Kien għalhekk li meta ufffċjal favur Putin stieden lir-Russja tagħmel bażi militari fil-post, mill-ewwel bdew jitweħħlu avviżi bi premju ta’ flus għal min joqtlu, liema premju li kien ta’ £15,000 (€17,560).

Assassinji riċenti hemm tal-ħabib ta’ Putin, Vitaly Gura, li kien uffiċjal fir-reġjun ta’ Kherson. Huwa nqatel bi sparatura fl-uffiċċju tiegħu. Dmitry Savluchenko, il-kap amministratur ta’ dipartiment f’Kherson, inqatel b’bomba. Din l-isplużjoni ħarqet żewġ karozzi u kissret il-ħġieġ tat-twieqi ta’ dar fuq erba’ pjani li tinsab fil-viċinanzi.

Kollaboratur ieħor ta’ Putin – Askyar Laishev – li kien jaħdem mas-servizzi sigrieti Ukreni qabel qaleb mar-Russi lura fl-2014, inqatel f’karozza bomba f’Luhansk f’Lulju li għadda. Uffiċjal alleat ta’ Putin, din id-darba Volodymyr Saldo jinsab rikoverat fi sptar fil-kapitali Moska wara li kien avvelenat. Mentri, l-eks deputat kap tal-Kremlin Vyacheslav Volodin,skappa mill-mewt wara li missila tal-Ukrajna laqtgħet uffiċċju li kien fih ftit minuti qabel.

Qtil ieħor mil-lista Ukrena huwa dik tal-attivist favur Putin u blogger Valery Kuleshov li offra li jmexxi l-forzi li jokkupaw żoni fl-Ukrajna iżda nqatel bi sparatura f’Kherson. 

Wieħed mill-ewwel vittmi tar-reżistenza kien Vlodymyr Struk, Sindku li laqa’ l-forzi Russi meta nvadew lill-Ukrajna. Dan inħataf mir-residenza tiegħu u nqatel bi sparatura f’qalbu. Huwa rrapportat ukoll li l-attakki fatali fuq alleati ta’ Putin minn dawn l-assassini qegħdin ikunu estiżi wkoll f’territorju Russu. 

Ekonomija

Sport