Monday, April 29, 2024

Jilħqu l-qofol tagħhom il-festi speċjali li jfakkru l-200 sena tal-Kolleġġjata ta’ Bormla

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Għaddejjin ġmielhom il-festi speċjali li qed isiru f’dawn il-jiem biex ifakkru l-200 anniversarju mit-twaqqif tal-Kolleġġjata ddedikata lill-Immakulata Kunċizzjoni f’Bormla. Kien proprju fis-17 ta’ Lulju tal-1822, meta l-Papa Piju VII ħareġ id-digriet li bih il-Parroċċa ta’ Bormla ġiet mgħollija għad-dinjità ta’ Kolleġġjata.

Għal din l-okkażjoni qed isiru festi speċjali mifruxa fuq disat ijiem li bdew minn nhar is-Sibt 9 ta’ Lulju bil-ħruġ tal-vara tal-Immakulata Kunċizzjoni min-niċċa, u se jilħqu l-qofol tagħhom għada l-Ħadd proprju f’għeluq il-200 anniversarju. 

B’rabta ma’ dawn l-attivitajiet, tkellimna ma’ John Galea, Segretarju tal-Kumitat Organizzattiv, li ta ħarsa dettaljata dwar x’sar matul din il-ġimgħa u x’se jkun qed isir fil-jiem tas-Sibt u l-Ħadd.

“Il-festi bdew is-Sibt 9 ta’ Lulju meta ħriġna l-vara min-niċċa biex tkun esposta fil-Knisja għal matul din il-ġimgħa. F’din il-ġimgħa saru Quddies filgħaxija bi ħsibijiet speċjali tal-okkażjoni.”

Galea kompla jispjega li llum se jsir pellegrinaġġ bl-istatwa devota ta’ Marija Immakulata, li se jgħaddi min-naħa ta’ San Ġwann t’Għuxa. Il-Banda San Ġorġ ta’ Bormla se ttakkumpanja l-pellegrinaġġ b’innijiet Marjani. Mad-dħul tal-pellegrinaġġ titkanta l-antifona u tingħata l-Barka Sagramentali. 

Il-Ħadd filgħodu se ssir Quddiesa solenni tal-Festa minn Mons. Charles J. Scicluna. Wara l-Quddiesa, Mons. Arċisqof se jqiegħed il-Warda tal-Filugranu bbanjata bid-deheb taħt il-kwatu Titulari u Santwarju ta’ Marija Immakulata b’ringrazzjament u tifkira ta’ dawn il-200 sena. 

Galea kompla jgħid li l-Ħadd filgħaxija se jkun hemm akkademja mużiko-letterarja bil-parteċipazzjoni ta’ bandisti mill-Banda San Ġorġ ta’ Bormla b’diskorsi qosra tal-okkażjoni. 

Sport