Friday, December 13, 2024

Jinġabru iktar minn €350,000 waqt il-BOV Volleyball Marathon b’risq id-Dar tal-Providenza

Aqra wkoll

It‑53 siegħa tal‑Maratona tal‑Volleyball intlaħqu f’nofsillejl tal‑bieraħ, bis-somma finali ta’ €366,817.

L-40 player, li ffurmaw ħames timijiet, baqgħu jilagħbu mingħajr waqfien mis‑6:00 p.m. tal‑Ġimgħa meta l‑Ministru għall‑Inklużjoni, Volontarjat u Drittijiet tal‑Konsumatur, Julia Portelli, saffret biex jingħata bidu għall‑Maratona.

Fr Martin Micallef, Direttur tad‑Dar tal‑Providenza, irringrazzja lill‑poplu Malti u Għawdxi, li għal darb’oħra wieġeb b’tant ġenerożità għas‑sejħa li saret biex jinġabru l‑fondi għad‑Dar, permezz tal‑Maratona tal‑Volleyball: “Grazzi wkoll lill‑players, lill‑volontiera, lill‑membri tal‑kumitat organizzattiv, l‑isponsors kollha, l‑istazzjonijet ewlenin tat‑televixin li xandru din il‑maratona, kantanti u bands,  lill‑pulizija u lil dawk kollha li b’xi mod jew ieħor għenu biex din il‑Maratona tkun suċċess”. 

Waqt l-istess attività, grupp ta’ atleti Sloveni, uħud minnhom persuni b’diżabilità, ħadu sehem fil‑logħob ta’ sitting volleyball li sar għall‑ewwel darba fid‑Dar tas‑Siġġiewi. Din l‑attività saret bis‑saħħa ta’ ParaVolley Malta u l‑Birkirkara Volley Club. Saret enfasi li attivitajiet bħal dawn jippromwovu l‑fatt li l‑isport huwa għal kulħadd, hu x’inhu l‑livell tal‑abbiltà personali.

Minbarra l‑40 player li kienu l‑protagonisti ewlenin ta’ din il‑Maratona, kien hemm ukoll madwar 200 voluntier. Kull filgħaxija kien hemm spettaklu mużikali fuq il‑palk prinċipali, ikel u xorb, u logħob għat‑tfal.  Il‑Maratona ngħatat f’xandiriet diretti fuq l‑istazzjonijiet tat‑televixin ewlenin f’pajjiżna.

Minbarra l‑BOV (l‑isponsor ewlieni tal‑Maratona), kien hemm ukoll bħala sponsors, il‑Pif Paf, Coca Cola, PwC, Go Plc. u Eurosport.

Ekonomija

Sport