Il-pulizija fetħet in-nar fuq id-dimostranti barra l-parlament Kenjan hekk kif ippruvaw jidħlu fil-bini f’Nairobi, filwaqt li l-Membri Parlamentari kienu għaddejjin bil-leġiżlazzjoni biex jgħollu t-taxxi.
Huwa mifhum li minn tal-inqas inqatlu ħames persuni. F’kumment li ta lill-midja wieħed mid-dimostranti spjega li l-għan ewlieni li saret din il-protesta, kienet sabiex jagħlqu l-Palrmanet u sabiex skonthom kull membru parlamentari jirriżenja sabiex fil-pajjiż ikun hemm Gvern ġdid.
Id-dimostranti opponew ż-żidiet fit-taxxa fil-pajjiż. Infatti ta’ min wieħed jinnota li bosta ċittadini jridu wkoll li jirriżenja il-President William Ruto, għaliex skonthom muwiex qed jaqbeż għad-drittijiet tan-nies u jitkellem dwar il-kriżi tal-għoli tal-ħajja, u ħafna qed jitolbu wkoll biex il-President William Ruto iwarrab.
Il-protesti u l-ġlied fil-Kenja bdew madwar ġimgħa ilu u seħħew ukoll fi bliet u rħula oħra madwar il-pajjiż. Il-Ħamis li għadda, skont l-Awtorità ta’ Sorveljanza tal-Pulizija Indipendenti, persuna waħda nqatlet u mill-inqas 200 persuna ndarbu f’dimostrazzjonijiet madwar il-pajjiż.