Il-Ministeru għall-Enerġija, l-Ambjent u r-Riġenerazzjoni tal-Port il-Kbir immarka b’suċċess it-tmiem tal-inizjattiva Scouts and Guides for the Goals u l-għeluq tal-kampanja sajfija Saving Our Blue, żewġ inizjattivi li għandhom l-għan li jqajmu għarfien u jħeġġu lill-pubbliku, inklużi ż-żgħażagħ, jieħdu azzjoni konkreta favur futur aktar sostenibbli.
L-inizjattiva Scouts and Guides for the Goals laqqgħet flimkien gruppi tal-Iscouts u tal-Girl Guides minn Malta u Għawdex, li ppreżentaw il-proġetti li ħadmu fuqhom matul sitt xhur relatati mal-Għanijiet ta’ Żvilupp Sostenibbli (SDGs) assenjati lilhom. Permezz ta’ attivitajiet fil-komunità, esperjenzi edukattivi u scavenger hunt tematika dwar l-SDGs, il-parteċipanti esploraw kif il-miri globali jistgħu jiġu tradotti f’azzjonijiet konkreti fil-livell lokali.
Fl-istess ġurnata ġie mmarkat ukoll l-għeluq tat-tmien edizzjoni tal-kampanja Saving Our Blue fil-Bajja s-Sabiħa, Birżebbuġa. Matul is-sena, il-kampanja kompliet tqajjem għarfien dwar il-ħsara kkawżata mill-plastik li jintuża darba biss u dwar il-ħarsien tal-ambjent marittimu ta’ pajjiżna permezz ta’ żjarat fl-iskejjel, attivitajiet edukattivi u avvenimenti għall-pubbliku.
L-avveniment tal-għeluq laqqa’ flimkien diversi entitajiet u organizzazzjonijiet fi ħdan il-Ministeru għall-Enerġija u l-Ambjent, li pprovdew informazzjoni u gwida prattika dwar stili ta’ ħajja sostenibbli, il-konservazzjoni tal-baħar, il-bijodiversità u l-użu responsabbli tar-riżorsi. L-attività inkludiet ukoll logħob tal-beach soccer organizzat b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni Maltija tal-Futbol u klabbs tal-futbol lokali, li għaqqad l-isport, l-involviment tal-komunità u l-għarfien ambjentali.
Il-Ministru Miriam Dalli stqarret li dawn iż-żewġ inizjattivi juru r-rwol kruċjali tal-edukazzjoni, l-involviment tal-komunità u r-responsabbiltà individwali fil-promozzjoni tal-iżvilupp sostenibbli u l-protezzjoni tal-ambjent. Hija sostniet li l-investiment fl-edukazzjoni, fl-għarfien pubbliku u fl-involviment attiv taż-żgħażagħ huwa kruċjali biex jinbnew komunitajiet aktar sostenibbli u reżiljenti.
