Jason Zammit ta’ 47 sena residenti l-Pietà nżamm arrestat wara li tressaq il-Qorti mixli bi traffikar tad-droga.
Zammit kien arrestat ilbieraħ, għall-ħabta ta’ nofsinhar, wara li l-pulizija rċeviet informazzjoni li allegatament kien se jsir negozju tad-droga fl-istess lokalità.
Il-Pulizija kienet iċċirkondat ir-residenza tar-raġel, iżda malli nduna bil-pulizija pprova jaħrab u saħansitra deher jarmi xi oġġetti fit-triq. Ir-raġel kien arrestat u f’basket li kien qiegħed iġorr, instabet madwar kilo sustanza suspettata kokaina, kif ukoll ammont żgħir ta’ sustanza allegatament eroina.
Mill-investigazzjonijiet li saru jirriżulta li d-droga misjuba, kieku laħqet inbiegħet fis-suq kienet tlaħħaq madwar €60,000. Intqal li saru aktar tfittxijiet fir-residenza tiegħu fejn instabu diversi oġġetti relatati mat-traffikar tad-droga u ammont ta’ flus kontanti.
Zammit tressaq quddiem il-Maġistrat Leonard Caruana fejn wieġeb mhux ħati tal-akkużi miġjuba kontra tiegħu iżda nżamm arrestat wara li ma saret l-ebda talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu.
Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Ispettur Jonathan Pace.