Sunday, December 22, 2024

Jinżamm arrestat wara li ġie mixli b’kompliċità fil-ħruq ta’ dgħajsa

Aqra wkoll

Olivend Xuereb ta’ 38 sena residenti Buġibba tressaq il-Qorti mixli b’kompliċità fil-ħruq ta’ dgħajsa.

Il-każ seħħ nhar it-28 ta’ Lulju li għadda meta dgħajsa li kienet irmiġġjata max-xatt ta’ Tignè ngħatat in-nar. 

In-nirien kienu ntfew minn terzi li intervjenw fil-pront. Minnufih skattat investigazzjoni mit-Taqsima magħrufa bħala l-Arson Unit tal-Pulizija, flimkien ma’ uffiċjali mid-distrett ta’ Tas-Sliema u ġew analizzati filmati tas-CCTV fiż-żona. 

Eventwalment ġew identifikati żewġ suspettati li dehru qrib id-dgħajsa dakinhar li seħħ il-każ. Is-sena li għaddiet, Wayne Delia u Xuereb kienu arrestati bħala s-suspettati li wettqu dan ir-reat.

Iżda għalkemm inħarġu akkużi fil-konfront ta’ Delia, dakinhar il-pulizija ma kellhiex biżżejjed evidenza biex tipproċedi kontra Xuereb. 

Madankollu, filwaqt li l-proċeduri kontra Delia kienu għaddejjin, l-istess imputat talab permess mill-Qorti biex jitkellem mal-prosekuzzjoni u x-xahar li għadda, fl-istqarrija li ta lill-pulizija, tefa’ aktar dawl fuq il-każ. 

Huwa kkonferma tali stqarrija quddiem il-Maġistrat li kien qed jippresjedi l-każ tiegħu u ngħata s-sentenza. Skont dik l-informazzjoni, ir-rwol ta’ Xuereb kien li jxerred il-fjuwil fuq id-dgħajsa filwaqt li Delia mbagħad jagħtiha n-nar. 

Dik l-informazzjoni kienet biżżejjed sabiex jitressqu akkużi kontra Xuereb u tressaq ilbieraħ fil-Qorti fejn wieġeb mhux ħati ta’ kompliċità fil-ħruq kif ukoll li b’mod volontarju għamel ħsara fil-proprjetà ta’ terxi.

Huwa kien akkużat ukoll li xehed falz kontra l-kompliċi tiegħu fl-2022 u li kien riċediv. Saret talba għall-ħelsien mill-arrest tiegħu, bil-Prosekuzzjoni toġġezzjona minħabba l-gravità tal-akkużi u l-fatt li kien għad baqa’ xhieda pajżana li għad iridu jixhdu fosthom il-kompliċi u t-tfajla tiegħu. 

Wara li sema’ s-sottomissjonijiet taż-żewġ partijiet, il-Qorti preseduta mill-Maġistrat Kevan Azzopardi ċaħdet it-talba għall-ħelsien mill-arrest minħabba li l-fedina penali tal-imputat turi li din ma kinitx l-ewwel darba tiegħu li xellef difrejgħ mal-ġustizzja.

Il-Qorti qalet li ma kienx hemm serħan il-moħħ li l-imputat jaderixxi mal-kundizzjonijiet jekk jingħata l-libertà proviżorja. Kien għalhekk li nżamm taħt arrest preventiv fil-Faċilità Korrettiva ta’ Kordin. 

Il-Prosekuzzjoni tmexxiet mill-Avukat Joseph Camilleri Azarov mill-Uffiċċju tal-Avukat Ġenerali flimkien mal-Ispetturi Mario Xiberras, Jeffrey Scicluna u Colin Sheldon. L-Avukat Sarah Tua dehret għal Xuereb. 

Ekonomija

Sport