Sunday, October 27, 2024

Jirritorna l-Karnival tas-Sajf

Aqra wkoll

Il-Karnival tas-Sajf reġa’ lura għal sena oħra fil-lokalitajiet ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Marsaskala. Organizzat minn Festivals Malta, b’kollaborazzjoni mal-Kunsilli Lokali ta’ San Pawl il-Baħar u ta’ Marsaskala, il-Karnival tas-Sajf ser jittella’ f’dawn il-lokalitajiet fi ġranet differenti bejn it-23 u l-25 ta’ Awwissu mit-8pm ’il quddiem.

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ddeskriva l-Karnival tas-Sajf bħala avveniment li mhux biss joffri divertiment, iżda wkoll jagħti l-opportunità lill-pubbliku jesperjenza l-elementi tal-Karnival tradizzjonali, bħall-karrijiet u ż-żfin, fuq skala iżgħar.

Il-Ministru Bonnici saħaq li dan l-avveniment jgħin ukoll biex jippromwovi l-karnival bħala forma ta’ artiġġjanat artistiku, fejn il-kreattività tal-artisti tidher b’mod ċar. “Il-Karnival tas-Sajf huwa importanti biex jiżdied l-għarfien dwar l-importanza kulturali tal-karnival u l-wirt artistiku tiegħu,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

Min-naħa tiegħu, iċ-Chairman ta’ Festivals Malta Aaron Zahra qal, “Il-Karnival tas-Sajf ta’ kull sena jagħti opportunità u esperjenza kulturali oħra li hija tant għal qalb id-dilettanti tal-Karnival, il-komunità Maltija u t-turisti li jkunu f’pajjiżna. Isir f’perjodu meta Malta tkun qed tilqa’ l-akbar ammont ta’ turisti li jagħżlu lil pajjiżna għall-vaganza tagħhom. Dan il-Karnival qed jiġi organizzat fit-tramuntana u fin-nofsinhar ta’ pajjiżna, sabiex aktar turisti jesploraw inħawi ġodda ta’ pajjiżna, b’hekk ninkoraġġixxu l-attività ekonomika aktar ugwali madwar Malta u jesperjenzaw togħma żgħira ta’ dak li Malta toffri ta’ kull sena fi Frar.”

Il-Kap Eżekuttiv ta’ Festivals Malta Frans Agius qal, “Waqt il-Karnival tas-Sajf, filwaqt li niċċelebraw l-artistrija u l-kultura tagħna u nagħtu opportunità lid-dilettanti sabiex jesprimu s-snajja’ tagħhom, nagħtu esperjenza lill-viżitaturi li jkunu magħna fil-ġranet tas-sajf ta’ dak li nkunu qed nistennew fuq skala ħafna akbar fil-Karnival ta’ Malta fi Frar.”

Jason Busuttil, id-Direttur Artistiku tal-Karnival ta’ Malta, spjega li nhar il-Ġimgħa 23 u s-Sibt 24 t’Awwissu l-Karnival tas-Sajf jiġi ċċelebrat fil-promenade ta’ Buġibba bi grand defilé. Il-Ħadd 25 t’Awwissu l-Karnival tas-Sajf jiġi ċċelebrat mal-promenade  ta’ Wied il-Għajn. “Waqt il-Karnival tas-Sajf, numru ta’ karrijiet u kumpaniji taż-żfin se janimaw it-toroq tal-madwar b’festa ta’ kuluri, żfin u allegrija; festa kkulurita li tkun ukoll bi preparazzjoni għall-karnival grandjuż fi Frar li ġej. Inħeġġu lil kulħadd biex jingħaqad magħna.”

Għal aktar informazzjoni dwar il-programm tal-Karnival tas-Sajf 2024, żur il-pjattaformi soċjali tal-Karnival ta’ Malta fuq Facebook u Instagram.

Sport