Thursday, April 25, 2024

Jispikka l-entużjażmu tat-tfal fil-festa liturġika ta’ San Nikola

Claudio Coleiro
Claudio Coleiro
Ġurnalist

Aqra wkoll

Hekk kif illum qiegħda tiġi ċċelebrata l-festa liturġika ta’ San Nikola fis-Siġġiewi, reġgħet irritornat il-festa tradizzjonali tat-tfal li fiha spikka l-entużjażmu għal din iċ-ċelebrazzjoni li tmur lura għal bosta snin.

Din il-festa bdiet b’purċissjoni li telqet mill-Iskola Primarja tas-Siġġiewi, bi grupp sabiħ ta’ tfal akkumpanjaw u anke refgħu l-istatwa ċkejkna ta’ San Nikola sal-Knisja Arċipretali. Il-festa laħqet il-qofol tagħha fil-pjazza bid-daqq taż-żewġ baned Siġġiwin – il-Każin Banda San Nikola u s-Siġġiewi Brass Band.

Dan is-sit ħa l-kummenti tas-Sindku tas-Siġġiewi Dominic Grech li qalilna li wara nuqqas ta’ tliet snin minħabba l-pandemija, il-festa ta’ San Nikola tax-xitwa rritornat fis-Siġġiewi: “Din hi festa ħelwa magħmula mit-tfal għat-tfal li daħlet bħala tradizzjoni f’dawn l-aħħar snin fejn nhar il-jum tal-Festa Liturġika ta’ San Nikola titlaq purċissjoni bl-istatwa żgħira merfugħa mill-istudenti tal-Iskola Primarja San Injazju fis-Siġġiewi,” qal Grech.

“Kien pożittiv li wara nuqqas ta’ tliet snin rajna pjazza mimlija tfal u ġenituri jiċċelebraw din il-festa bil-mod ferrieħi kif jafu jagħmlu t-tfal, f’ġieħ il-Patrun tagħna San Nikola,” temm jgħid Grech.

Sport