Sunday, November 24, 2024

Jitħabbru d-dettalji tal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà 2024

Aqra wkoll

Il-Ministru Chris Bonett u s-Segretarju Parlamentari Alison Zerafa Civelli ħabbru d-dettalji relatati mal-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà 2024, li se tittella’ bejn is-16 u t-22 ta’ Settembru bit-tema għal din is-sena ‘Spazju Pubbliku Kondiviż’.

Il-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà, immexxija mill-Kummissjoni Ewropea, tinkoraġġixxi aktar sforzi ta’ mobbilità sostenibbli, li tħeġġeġ lil-lokalitajiet biex jimplimentaw soluzzjonijiet prattiċi għal sfidi urbani bħall-konġestjoni tat-traffiku, it-tniġġis tal-arja, u kwistjonijiet ta’ aċċessibbiltà. It-tema għal din is-sena tenfasizza l-importanza ta’ spazji pubbliċi f’żoni urbani, is-sigurtà fit-toroq u l-kwalità tal-ħajja.

Transport Malta, b’kollaborazzjoni mal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, qed tappoġġja l-Ġimgħa Ewropea għall-Mobbiltà. Il-kunsilli lokali u l-NGOs ġew mistiedna biex iressqu ’l quddiem inizjattivi bħala parti minn din il-kampanja, bl-inizjattivi li jintgħażlu se jiġu appoġġjati finanzjarjament minn Transport Malta.

Il-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett spjega li attivitajiet bħal dawn jenfasizzaw il-ħidma tal-gvern li jibqa’ dejjem impenjat li joffri r-riżorsi kollha possibbli sabiex tittejjeb il-kwalità tal-ħajja tan-nies fil-komunità.

“B’din il-kampanja ser inkunu qed nipprovdu aktar opportunitajiet lill-kunsilli lokali sabiex iwasslu l-proposti speċifiċi li jtejbu l-ambjent tal-lokalitajiet u l-komunitajiet tagħhom. Il-kunsilli lokali ser isibu l-appoġġ kollu meħtieġ sabiex niżguraw aktar trasformazzjonijiet tal-ispazji urbani tagħna u promozzjoni ta’ mezzi ta’ trasport alternattivi,” temm jgħid il-Ministru Bonett.

Min-naħa tagħha, is-Segretarju Parlamentari għall-Gvern Lokali, Alison Zerafa Civelli, saħqet dwar l-importanza tal-Ġimgħa Ewropea ddedikata lill-Mobbilità, dan għaliex, fost oħrajn, tqajjem iżjed għarfien dwar l-importanza ta’ trasport aktar nadif u effiċjenti. Hija appellat lill-kunsilli lokali sabiex jieħdu l-opportunità u joħorġu b’inizjattivi li jtejbu l-lokalitajiet tagħhom.

“Nappella lill-kunsilli lokali sabiex jużaw din il-ġimgħa biex jaraw kif jistgħu jimplimentaw iżjed miżuri innovattivi, filwaqt li jieħdu ħsieb il-kwalità tal-arja, u dan kollu jagħmluh b’konsultazzjoni mar-residenti fil-lokalitajiet rispettivi tagħhom,” qalet is-Segretarju Parlamentari Zerafa Civelli.

Il-President tal-Assoċjazzjoni tal-Kunsilli Lokali, Mario Fava, qal, “Billi naħdmu flimkien nistgħu noħolqu impatt dejjiemi, intejbu l-ispazji pubbliċi kondiviżi tagħna u nsaħħu l-kwalità tal-ħajja għar-residenti kollha madwar Malta u Għawdex”.

Għal aktar informazzjoni wieħed jista’ jżur is-sit https://mobilityweek.eu/home/ jew jibgħat email fuq [email protected].

Sport