Monday, December 23, 2024

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat 2024

Aqra wkoll

Ġiet organizzata t-13-il ċerimonja tal-Premju Nazzjonali għall-Volontarjat sabiex jingħataw rikonoxximent persuni u għaqdiet li jiddistingwu ruħhom fis-settur, fejn bil-kontribuzzjonijiet tagħhom huma jagħmlu soċjetà aħjar.

Din iċ-ċerimonja, organizzata mill-Kunsill Malti għas-Settur tal-Volontarjat, saret fil-5 ta’ Diċembru 2024 bil-preżenza tal-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia. L-avveniment kien marbut mal-Jum Internazzjonali tal-Volontarjat, kif iċċelebrat mill-Ġnus Magħquda, u matulu ġew imħabbra u ppreżentati sitt premjijiet.


Għal dawn il-premijiet daħlu 42 finalist.

Ir-rebbieħa tal-premjijiet huma kif ġej:

·        Premju Nazzjonali Voluntier tas-Sena 2024: Tony Sammut – Id-Dar tal-Providenza

·       Premju Nazzjonali Għaqda Volontarja tas-Sena 2024: Equal Partners Foundation

·       Premju Voluntier Żagħżugħ/a 2024: Dylan Farrugia – Fondazzjoni għall-Konservazzjoni tan-Naħla Maltija

·       Victor Calvagna Children Volunteer Award 2024: Victoria Fenech Azzopardi – The Malta Rabbit Club

·       Premju Nazzjonali Speċjali għall-Ħidma Volontarja 2024: Monsinjur Victor Grech

·       Premju Nazzjonali Speċjali Proġett tas-Sena fis-Settur Volontarju 2024: Fondazzjoni RISe bil-proġett VOPS “Preparation for Female Inmates’ Rehabilitation and Reintegration Programme in Malta”

Il-Ministru għall-Inklużjoni u l-Volontarjat, Julia Farrugia, fissret l-importanza ta’ din iċ-ċelebrazzjoni ta’ volontarjat. “Din is-serata hija ċelebrazzjoni tal-ispirtu altruwistiku, id-dedikazzjoni u l-impenn ħabrieki tal-voluntiera tagħna. Dawn l-individwi straordinarji, permezz tal-ħin u l-enerġija li jagħtu b’qalb kbira, jikkontribwixxu għall-bidliet pożittivi li naraw fil-komunitajiet tagħna kuljum”.

“Il-volontarjat huwa pilastru essenzjali tas-soċjetà tagħna, li jsaħħaħ il-kuntatti bejn il-persuni, jgħin lill-aktar vulnerabbli, u jispira tama fostna lkoll. Permezz ta’ dawn il-premjijiet, aħna mhux biss nirrikonoxxu u napprezzaw il-kontribut ta’ dawn il-persuni u l-għaqdiet, iżda nħeġġu wkoll aktar nies biex isegwu l-eżempju tagħhom. Għandna nkunu kburin li f’Malta għandna tradizzjoni kbira ta’ volontarjat, li tagħmel differenza reali fil-ħajja tan-nies,” sostniet Farrugia.

Gertrude Buttigieg, Chairperson tal-Kunsill, qalet li dan il-Jum Internazzjonali tal-Voluntier huwa opportunità biex niċċelebraw il-ħidma ta’ eluf ta’ volontiera waqt li ngħidulhom grazzi li jagħtu l-iktar ħaġa prezzjuża li llum għandu l-bniedem, il-ħin. Il-voluntiera jiddedikaw l-enerġija u l-ħiliet tagħhom għal kawża li hija għal qalbhom. Permezz ta’ ħafna xogħol li jsir fis-skiet, iħallu impatt tant kbir fis-soċjetà tagħna.

Il-Kunsill Malti għas-Settur Volontarju jieħu din l-okkażjoni biex jifraħ lil dawk kollha nominati kif ukoll iwiegħed l-impenn li jkompli jsaħħaħ il-ħidma tal-voluntiera u l-għaqdiet volontarji f’Malta. Din il-ħidma twassal biex tissaħħaħ id-demokrazija, ir-reżiljenza u titjieb personalment, għax nemmnu ħafna li l-volontarjat huwa mezz kif insaħħu l-potenzjal ta’ kull wieħed u waħda minna u flimkien intejbu s-soċjetà tagħna.

Aktar informazzjoni dwar din l-attività jistgħu jinkisbu mis-sit maltacvs.org.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport