Monday, January 24, 2022

Jitħabbru r-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021

Aqra wkoll

Ir-rebbieħa tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021 tħabbru llejla waqt ċerimonja ġewwa l-Berġa ta’ Kastilja taħt il-patroċinju tal-Uffiċċju tal-Prim Ministru, li attenda għaliha is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, Dr Francis Fabri. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb jingħata kull sena mill-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb bil-għan li jiċċelebra l-ogħla kisbiet fil-pubblikazzjoni tal-letteratura u r-riċerka f’Malta.

Fid-diskors tal-ftuħ il-Kap Eżekuttiv tal-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb (KNK), Mark Camilleri, laqa’ lill-finalisti kollha għal diċ-ċerimonja li, għal darb’oħra, ġabret lill-awturi u lill-pubblikaturi kollha taħt saqaf wieħed. Innota wkoll li ċ-ċerimonja tal-lejla ħadet bixra simbolika, hekk kif il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għalaq il-50 sena tiegħu mindu ngħata l-ewwel darba fl-1971. Camilleri rrimarka li, minkejja l-isfidi li s-sena 2020 ġabet magħha lill-industrija tal-ktieb, l-għadd ta’ kotba ppubblikati kien ta’ tħeġġiġ il-qalb u allura l-okkażjoni taċ-ċerimonja nnifisha kienet xhieda tar-reżiljenza tal-pubblikazzjoni Maltija. Kompla jgħid li l-2021 kienet sena oħra ta’ xogħol ma jaqta’ xejn għall-KNK, u fl-irwol tiegħu se jfittex li jsaħħaħ lill-Kunsill sabiex is-sapport lill-industrija jikber bis-saħħa ta’ ħidmiet u sinerġiji ġodda ma’ entitajet u istituzzjonijiet pubbliċi oħra. Sostna li l-KNK huwa miftuħ għal kollaborazzjonijiet varji li jagħtu frott issa u fil-ġejjieni. Camilleri feraħ lill-finalisti u żied jgħid li l-lista tal-kotba li kkompetew għall-Premju Nazzjonali tal-Ktieb, miktuba kemm minn awturi stabbiliti u oħrajn ġodda, huma turija tal-istandards eċċellenti li l-industrja qiegħda dejjem tħabrek sabiex tilħaq.

Il-kotba rebbieħa ntgħażlu minn bord ta’ aġġudikazzjoni indipendenti minn lista ta’ finalisti li għaddet 46 ktieb, kollha ppubblikati s-sena ta’ qabel u mifruxa fi tmien kategoriji kompetittivi. Il-Premju Nazzjonali tal-Ktieb għall-kategorija tar-rumanzi mar għand Gioele Galea għall-ktieb In-Nar Għandu Isem: Noti minn Paġna Intima (Horizons). Ir-rebbieħa l-oħra huma Lara Calleja bil-ktieb Kissirtu Kullimkien (Merlin Publishers) fil-kategorija tan-novelli, Carmel Scicluna li rebaħ il-kategorija tal-poeżija bil-ktieb L-Ambjent li Qeridna: Poeżiji (2017-2020) (Horizons), Immanuel Mifsud u Toni Sant li flimkien kitbu l-ktieb rebbieħ fil-kategorija tal-letteratura mhux fittizja, Jien – Noti – Jien: Ħsejjes u Stejjer (Klabb Kotba Maltin), u Paul Zahra li rebaħ il-kategorija tat-traduzzjonijiet bil-ktieb Mix-Xaqliba ta’ Dar Swann – Ismijiet ta’ Pajjiżi: L-Isem (Awtoppubblikat), oriġinarjament ta’ Marcel Proust. Imbagħad il-premju għall-kategorija tar-riċerka ġenerali mar għand Giuseppe Schembri Bonaci għal The Beheading of Ignez: Katabasis, Ezra Pound and Three Maltese Artists (Horizons), il-kategorija tar-riċerka bijografika u storjografika ntrebħet minn Martin Micallef, l-editur ta’ Crux Invicta: Il-Kurċifiss Mirakuluż u l-Kapuċċini f’Għawdex (Midsea Books), u l-Premju għall-Aħjar Produzzjoni ta’ Ktieb bl-Isbaħ Dehra mar għand Midsea Books għall-pubblikazzjoni tal-ktieb The Addolorata Cemetery.

Il-Premju għall-Aħjar Awtur Emerġenti mar għand Stephen Lughermo, l-awtur ta’ rumanzi għaż-żgħażagħ, għat-tfal, u tal-ġabra ta’ novelli Ċelel Bla Ħitan (Horizons, 2020). U f’ġieħ karriera twila bħala poetessa u kittieba ta’ rumanzi, il-Premju għall-Kontribut Siewi fil-Qasam tal-Kotba u l-Letteratura mar għand Rena Balzan. Minbarra l-kontribuzzjonijet letterarji tagħha, Balzan kienet għal ħafna żmien Professur Assoċjat tal-Ġenetika u l-Bijoloġija Molekulari fil-Fakultà tal-Mediċina u l-Kirurġija fl-Università ta’ Malta.

Is-Segretarju Permanenti għall-Ministeru tal-Edukazzjoni, Dr Francis Fabri, fakkar fir-relazzjoni sfiqa li hemm bejn l-identità nazzjonali u l-letteratura ta’ pajjiż. Saħaq fuq l-importanza tal-kontribut tal-kittieba u tal-pubblikaturi lejn l-iżvilupp tal-identità nazzjonali li huma isawru bix-xogħlijiet tagħhom; identità ħajja u dinamika bħal dik ta’ Malta tiddependi wkoll fuq l-isforzi kontinwi tal-kittieba sabiex iġedduha b’osservazzjonijiet dwar ir-realtajiet soċjali, politiċi u ekonomiċi tal-pajjiż. Dr Fabri temm diskorsu bi kliem il-filosfu Jean Paul Sartre dwar kif il-kliem huwa azzjoni, impenn, u tqanqil għall-bidla fil-qarrej u l-komunità.

Il-Kunsill Nazzjonali tal-Ktieb jixtieq jirringrazzja lill-membri kollha tal-bord tal-aġġudikazzjoni tal-Premju Nazzjonali tal-Ktieb 2021; Prof. William Zammit, is-Sr Mario Ellul u s-Sa Maria Giuliana Fenech għall-kategoriji tar-‘Riċerka Ġenerali’, ir-‘Riċerka Bijografika u Storjografika’, u l-‘Letteratura mhux Fittizja’; is-Sur John Grech, Dr Stephen Bonanno u s-Sa Rowna Baldacchino għall-kategoriji tal-letteratura, u lill-Kap Eżekuttiv ta’ Malta Libraries, is-Sa Cheryl Falzon għall-klassifikazzjoni tal-kotba. Il-KNK jirringrazzja wkoll mill-ġdid lil Dr Nicole Bugeja, is-Sa Kristy Borg u s-Sa Ruth Ancilleri li ġġudikaw il-kategoriji kollha tal-Premju Terramaxka għal kotba tat-tfal u l-adolexxenti, liema rebbieħa tħabbru fil-ftuħ tal-Festival Nazzjonali tal-Ktieb 2021.

Il-lista tar-rebbieħa:

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RUMANZI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
GIOELE GALEA IN-NAR GĦANDU ISEM: NOTI MINN PAĠNA INTIMA

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA NOVELLI BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
LARA CALLEJA  KISSIRTU KULLIMKIEN

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA POEŻIJA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
CARMEL SCICLUNA L-AMBJENT LI QERIDNA: POEŻIJI (2017-2020)

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA DRAMA BIL-MALTI U BL-INGLIŻ
IL-PREMJU MA NGĦATAX

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA TRADUZZJONI
PAUL ZAHRA MIX-XAQLIBA TA’ DAR SWANN – ISMIJIET TA’ PAJJIŻI: L-ISEM

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA LETTERATURA MHUX FITTIZJA
IMMANUEL MIFSUD, TONI SANT   JIEN – NOTI – JIEN: ĦSEJJES U STEJJER

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RIĊERKA ĠENERALI
GIUSEPPE SCHEMBRI BONACI  
THE BEHEADING OF IGNEZ: KATABASIS, EZRA POUND AND THREE MALTESE ARTISTS 

IR-REBBIEĦ FIL-KATEGORIJA RIĊERKA BIJOGRAFIKA U STORJOGRAFIKA
MARTIN MICALLEF (Ed.)
CRUX INVICTA: IL-KURĊIFISS MIRAKULUŻ U L-KAPUĊĊINI F’GĦAWDEX

PREMJU GĦALL-AĦJAR PRODUZZJONI TA’ KTIEB BL-ISBAĦ DEHRA
MIDSEA BOOKS THE ADDOLORATA CEMETERY

PREMJU GĦALL-AĦJAR AWTUR EMERĠENTI – STEPHEN LUGHERMO

PREMJU GĦALL-KONTRIBUT SIEWI FIL-QASAM TAL-KOTBA U L-LETTERATURA – RENA BALZAN

Sport