Monday, December 23, 2024

Jitħabbru r-riżultati tat-tieni fażi tal-Iskema għall-Wirt Artistiku għall-2024

Aqra wkoll

Il-Ministru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali Owen Bonnici ħabbar ir-riżultati għat-tieni fażi tal-Iskema tal-Wirt Artistiku 2024. 28 proġett ieħor se jiġu mogħtija total ta’ €216,000 f’fondi sabiex jinħoloq investiment ġdid fir-riżorsi u l-wirt kulturali ta’ Malta marbuta mal-festi ta’ pajjiżna.

L-iskema tnediet aktar kmieni din is-sena mill-Ministeru għall-Wirt Nazzjonali, l-Arti u l-Gvern Lokali taħt l-amministrazzjoni tal-Kunsill Malti għall-Arti. L-ewwel fażi tal-iskema rat total ta’ €850,000 mogħtija f’fondi.

Total ta’ 28 applikazzjoni kienu eliġibbli biex jingħataw fondi f’din it-tieni fażi li qed titħabbar illum. B’hekk, l-ammont ta’ għajnuna għall-festi din is-sena qabżet il-miljun ewro.

“Fl-aħħar snin rajna żieda sostanzjali fl-investiment tal-gvern fis-setturi kreattivi. Dan l-investiment huwa mmexxi mill-prinċipji tas-sostenibbiltà u l-inklussività, li jiffurmaw il-bażi tal-arti. Il-wirt artistiku tagħna huwa wkoll parti minn din il-bażi, u jirrappreżenta parti intrinsika tal-identità kulturali tagħna li trid tingħata l-opportunità u r-riżorsi biex tiffjorixxi,” sostna l-Ministru Bonnici.

“Għat-tieni darba din is-sena qed inkomplu ninvestu direttament f’dan il-wirt artistiku. B’hekk, mhux talli wettaqna l-wegħda elettorali tagħna biex niżguraw żvilupp sostenibbli fi ħdan dan is-settur, iżda morna oltre. Il-proġetti li qed jitħabbru llum huma prova oħra tal-importanza li nagħtu lill-pajsaġġ kulturali u tal-wirt storiku tagħna. Inkomplu nwettqu l-impenn tagħna lejn istituzzjonijiet bħal ma’ huma il-każini tal-baned, il-kmamar tan-nar u l-għaqdiet tal-festi sabiex dawn ikunu jistgħu jkomplu jikkontribwixxu u jwittu t-triq għall-ġenerazzjonijiet futuri,” temm jgħid il-Ministru Bonnici.

L-investiment fil-ħarsien u fil-promozzjoni tal-wirt kulturali u r-riżorsi tiegħu hija waħda mill-prijoritajiet ewlenin inkorporati fl-Istrateġija tal-Kunsill Malti għall-Arti, bil-għan li jiġi żgurat futur sostenibbli għan-nisġa soċjali u kulturali lokali ta’ Malta.

Min-naħa tagħha, Rita Falzon, Kap tal-Fondi tal-Kunsill Malti għall-Arti żiedet tgħid, “Permezz ta’ din l-iskema qed nassiguraw li l-każini tal-baned, il-fabbriki tal-logħob tan-nar u l-għaqdiet tal-festi jgawdu l-appoġġ meħtieġ li jippermettilhom ikomplu jevolvu u jikkontribwixxu għall-identità tal-komunitajiet tagħna. Inizjattivi bħal dawn isaħħu l-isforzi tagħna biex inħarsu u nippromwovu d-diversità tal-espressjoni artistika u kulturali ta’ Malta, li twassal għal riġenerazzjoni mmexxija mill-wirt, il-kreattività u l-innovazzjoni.”

Il-lista sħiħa ta’ benefiċjarji tinsab fuq is-sit tal-Kunsill Malti għall-Arti.

Ekonomija

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport