Wednesday, March 27, 2024

Jitlaq mill-Ukrajna l-ewwel vapur mgħobbi bil-qamħ

Aqra wkoll

Telaq minn port Ukren l-ewwel bastiment mgħobbi b’kunsinji tal-qamħ wara l-ftehim milħuq mar-Russja. Uffiċjali Torok u Ukreni qalu li dan il-vapur telaq mill-port tan-Nofsinhar ta’ Odesa kmieni t-Tnejn filgħodu.

Ir-Russja ilha timblokka l-portijiet Ukreni minn Frar li għadda, iżda ż-żewġ naħat laħqu ftehim biex jerġgħu jibdew dawn il-vjaġġi. Huwa ttamat li l-ftehim itaffi l-kriżi globali tal-ikel u jonqos il-prezz tal-qamħ. 

It-Turkija qalet li l-bastiment li jtajjar il-bandiera ta’ Sierra Leone, ir-Razoni, se jieqaf fil-port ta’ Tripli, fil-Libanu u żiedet li hemm ippjanati aktar vjaġġi simili bil-merkanzija matul il-ġimgħat li ġejjin.

Iċ-Ċentru Konġunt ta’ Kordinazzjoni, imwaqqaf Istanbul taħt l-imsemmi ftehim, qal li l-vapur kien iġorr madwar 26,000 tunnellata ta’ qamħ u mistenni jasal fl-ibħra Torok għal spezzjoni matul il-jum tat-Tlieta.

Is-Segretarju Ġenerali tal-Ġnus Magħquda António Guterres laqa’ t-tluq tal-vapur filwaqt li faħħar lit-Turkija għar-rwol tagħha fil-ħidma biex ikun implimentat il-ftehim.

Ekonomija

Sport