B’investiment ta’ €3 miljun, tlesta l-proġett ta’ Wied il-Qlejgħa. Dan ix-xogħol kien jinkludi l-infurzar tal-ħitan tal-baċin kif ukoll il-bini mill-ġdid ta’ parti mit-triq prinċipali. Dan l-intervent kien meħtieġ wara l-ħsara li saret kawża ta’ maltempata kbira li seħħet fil-passat, tant li spiċċaw ċedew partijiet mill-ħajt tal-ilqugħ ta’ wieħed mil-baċini prinċipali ta’ dan il-wied, magħruf bħala Chadwick Lakes.
Fi żjara li saret mill-Ministru għat-Trasport, l-Infrastruttura u x-Xogħlijiet Pubbliċi Chris Bonett flimkien mal-Ministru għall-Ambjent, l-Enerġija u l-Indafa Pubblika Miriam Dalli, huma spjegaw ix-xogħol li wettqet Infrastructure Malta bis-sapport finanzjarju tal-Energy & Water Agency. It-triq li reġgħet inbniet mill-ġdid, twassal minn tarf għall-ieħor ta’ Wied il-Qlejgħa u hi ferm bżonjuża għall-bdiewa li għandhom l-għelieqi tagħhom f’dawn l-inħawi kif ukoll mill-familji li jiffrekwentaw dan il-post sabiex igawdu in-natura lokali li joffri l-wied.
Il-Ministru Chris Bonett qal li “Dan huwa eżempju ċar ta’ kif l-investiment fl-infrastruttura jista’ mhux biss jirrestawra l-aċċess u s-sigurtà, imma wkoll jirrispetta u jsaħħaħ l-ambjent naturali tagħna.” Huwa kompla billi spjega kif wara l-ħsara li kienet żviluppat kawża tal-maltemp, din inbidlet f’opportunità biex tissebbaħ iż-żona u b’hekk il-familji, il-bdiewa u dawk kollha li jħobbu n-natura jistgħu igawdu aħjar Wied il-Qlejgħa. “Din mhux ser tkun l-aħħar darba li naraw proġetti bħal dawn li mhux biss jirranġaw, imma jsaħħu l-identità naturali u storika ta’ pajjiżna permezz ta’ xogħol infrastrutturali,” temm jgħid il-Ministru Bonett.
Min-naħa tagħha, il-Ministru Miriam Dalli qalet, “B’dan il-proġett qed insaħħu l-infrastruttura waqt li nipproteġu l-wirt naturali ta’ pajjiżna. Dan il-proġett, l-ewwel tat-tip tiegħu f’post daqstant sensittiv ekoloġikament, qiegħed jirrestawra l-akbar baċin tal-ilma fil-gżejjer tagħna filwaqt li jagħti wkoll spazju ġdid lill-familji u lill-komunità kollha biex igawdu n-natura. Il-ġid komuni huwa prijorità assoluta u bil-ħidma tagħna qed inkomplu nsaħħu l-futur ekoloġiku ta’ pajjiżna.”
B’dawn ix-xogħlijiet reġgħet ġiet stabbilita l-ħażna tal-ilma fil-baċin, l-ikbar tax-xorta tiegħu fil-gżejjer Maltin, b’kapaċità ta’ ħażna ta’ madwar 35,000,000 litru. Dan il-proġett jikkumplimenta x-xogħol li twettaq fuq il-parti ta’ fuq ta’ dan il-wied li riċentament ġie restawrat u joffri passaġġ għall-mixja ta’ madwar 2 kilometri. Dan ix-xogħol sar mill-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma bis-sostenn ta’ Nature Trust Malta, u l-ERA. Fl-2024 biss, din il-mixja tgawdiet minn iktar minn 9,200 persuna.
Il-periti li ħadmu fuq dan il-proġett spjegaw kif minħabba n-natura ġeoloġika tal-wied, ix-xogħol inqasam f’fażijiet differenti, anke biex ikun hemm aċċess sigur għall-makkinarju u l-ħaddiema. Minkejja l-użu ta’ pilastri tal-konkos kif ukoll strutturi tal-ħadid biex jikkonsolidaw iż-żona, ix-xogħol xorta waħda jikkumplimenta n-natura u l-karattru tal-wied bl-użu ta blokki tal-franka. Ix-xogħol ġie komplut billi reġa’ twaħħal il-poġġaman li jifred it-triq mill-baċin li wkoll ġie rinnovat biex ikompli jsebbaħ l-ambjent naturali tal-post.
Dan ix-xogħol sar f’kollaborazzjoni u bi qbil bejn Infrastructure Malta, Environment & Resources Authority, is-Sovrintendenza tal-Patrimonju Kulturali u l-Aġenzija għall-Enerġija u l-Ilma.