Fl-okkażjoni tal-Jum Dinji tal-Edukazzjoni ċċelebrat mill-Ġnus Magħquda fl-24 ta’ Jannar, il-Ministru għall-Edukazzjoni, l-Isport, iż-Żgħażagħ, ir-Riċerka u l-Innovazzjoni, Clifton Grima, flimkien mas-Segretarju Permanenti, Matthew Vella, illum komplew iqassmu kotba lit-tfal, bħala parti wkoll mill-wegħda elettorali.
Iż-żjara saret fl-Iskola Primarja tal-Imġarr fil-Kulleġġ San Nikola, fejn il-Ministru Grima u s-Segretarju Permanenti Vella ltaqgħu mat-tfal tal-ħames u tas-sitt sena.
Waqt iż-żjara nqraw siltiet minn kotba lill-istudenti tal-ħames u tas-sitt sena. Filwaqt li l-istudenti kollha tal-ħames sena rċevew erba’ kotba – tnejn bil-Malti u tnejn bl-Ingliż – magħżula apposta għalihom skont l-età u l-interessi tagħhom, bħala parti mill-inizjattiva ‘Il-Kotba Ħbieb tat-Tfal’. Din l-inizjattiva għandha l-għan li tippromwovi l-litteriżmu u trawwem l-imħabba għall-kotba fost it-tfal.
Permezz ta’ din l-inizjattiva, it-tfal tal-iskola primarja qed jirċievu kotba magħżula bir-reqqa kemm bil-Malti kif ukoll bl-Ingliż, bil-ħsieb li jitħajru jibnu l-librerija personali tagħhom u jsaħħu l-imħabba għall-qari. L-inizjattiva se tkompli matul din is-sena skolastika, li fiha se jitqassmu kotba lill-klassijiet tal-ħames sena tal-iskejjel tal-Istat, tal-Knisja u indipendenti.
Sa mit-tnedija tagħha, din l-inizjattiva laħqet 17,210 studenti, u l-Aġenzija Nazzjonali tal-Litteriżmu qassmet diġà 68,840 ktieb. L-attività fl-Iskola Primarja tal-Imġarr intemmet bir-reċita ta’ poeżija mill-istudenti tal-ħames sena u sessjoni ta’ mistoqsijiet u tweġibiet fejn l-istudenti kellhom l-opportunità jistaqsu lill-mistednin distinti mistoqsijiet dwar ix-xogħol u l-esperjenzi personali tagħhom.
It-tema magħżula din is-sena mill-Ġnus Magħquda hija dwar ir-rabta tal-Intelliġenza Artifiċjali u l-Edukazzjoni: l-importanza tal-persuna umana f’dinja li qed issir aktar awtomatizzata.
“Din hija okkażjoni oħra li matulha qed nippromwovu l-qari. Okkażjoni li matulha qed nuru li l-perkors edukattiv huwa wieħed li jagħti importanza kbira lill-qari bħala għodda qawwija f’idejn l-istudenti tagħna,” qal il-Ministru Clifton Grima.
Il-Ministru Grima rrefera wkoll għat-tema magħżula din is-sena mill-Ġnus Magħquda u semma l-Istrateġija għall-Edukazzjoni Diġitali 2024 – 2030 tal-ministeru. “Dan id-dokument huwa pjan direzzjonali – gwida li tippreżenta l-passi li rridu nieħdu kollettivament biex niżguraw li Malta tirnexxi fl-era diġitali. Huwa impenn li jrawwem mhux biss soċjetà teknoloġikament kompetenti, imma waħda li tħaddan l-inklussività, il-kreattività, u r-responsabbiltà etika”, qal il-Ministru Grima.
Il-ministru kompla li din l-istrateġija tenfasizza l-urġenza li kemm l-edukaturi kif ukoll l-istudenti jitħejjew biex jamministraw il-kumplessitajiet tal-era diġitali b’mod responsabbli. Dan mhuwiex biss dwar il-kisba ta’ ħiliet tekniċi iżda t-tnissil ta’ mentalità li trawwem l-adattabilità, il-ħsieb kritiku, u t-teħid ta’ deċiżjonijiet b’mod etiku.