Saturday, December 28, 2024

Jiżdiedu t-turiżmu lejn Għawdex iżda jonqos id-dħul tan-negozji

- stħarriġ tal-GTA

Aqra wkoll

L-Assoċjazzjoni Għawdxija għat-Turiżmu (GTA) qalet li minkejja li t-turiżmu lejn Għawdex żdied, b’danakollu l-operaturi turistiċi rrapportaw li naqsilhom id-dħul.

L-Assoċjazzjoni qalet li fl-ewwel ħames xhur ta’ din is-sena żdiedu b’21% it-turisti f’Għawdex mentri l-Maltin li qagħdu fi stabbilimenti ta’ akkomodazzjoni kollettiva fil-gżira żdiedu b’7%. Min-naħa l-oħra, il-GTA saħqet li l-operaturi turistiċi f’Għawdex irreġistraw tnaqqis fid-dħul tagħhom fl-ewwel sitt xhur ta’ din is-sena.

Dan ħareġ minn stħarriġ li għamlet l-Assoċjazzjoni fost il-membri tagħha f’dawn l-aħħar ġimagħtejn biex ikunu jistgħu jifhmu aħjar is-sitwazzjoni tas-settur turistiku f’Għawdex fl-ewwel nofs ta’ din is-sena meta mqabbel mal-istess perjodu tas-sena ta’ qabel u d-diffikultajiet li qed jesperjenzaw dawn l-istabbilimenti fl-operat tagħhom.

56% ta’ dak li wieġbu f’dan l-istħarriġ qalu li żamm l-istess prezzijiet bħal tas-sena li għaddiet filwaqt li 53% irrapportaw li naqsilhom il-qligħ. 88% tal-istabbilimenti qalu li kienu milquta mill-qtugħ fis-servizz tal-elettriku, b’44% jgħidu li sofrew ħsarat f’xi apparat u wħud qalu li kkumpensaw lill-klijenti tagħhom.

Il-GTA qalet ukoll li 57% tal-membri qalu li t-turisti barranin kienu s-sors ewlieni tad-dħul tagħhom filwaqt li 43% semmew il-Maltin. Waqt li 54% qalu li żdied b’mod ġenerali s-sodisfazzjon tal-klijenti tagħhom, 93% qalu li raw żieda fl-ispejjeż. Kien hemm ukoll 40% li qalu li se jkollhom iżidu l-prezzijiet tagħhom minħabba li żdiedu l-ispejjeż.

Mistoqsija dwar l-isfidi ewlenin li jħabbtu wiċċhom magħhom, 56% semmew iż-żieda fil-kompetizzjoni, 44% għamlu referenza għall-kundizzjonijiet ekonomiċi u 42% semmew in-nuqqas ta’ riżorsi umani.

Dwar l-iSkills Pass, 78% ta’ dawk li wieġbu qalu li sa issa ma kinux affettwati minn din l-inizjattiva. Sadanittant, 85% qalu li jemmu li s-servizz offrut f’Għawdex mhux jilħaq l-aspettattivi minħabba diversi fatturi fosthom il-kostruzzjoni, in-uqqas ta’ trankwillità, il-livell ta’ infrasturttura, l-istorbju u l-indafa.

Ekonomija

Sport