Friday, December 20, 2024

JobsPlus se tibqa’ tirrifjuta applikazzjoni għall-ħaddiema tal-Y plates u food couriers

Mill-1 ta' Lulju jonqsu b’587 l-ammont ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fis-setturi msemmija

Aqra wkoll

JobsPlus se tibqa’ tirrifjuta applikazzjonijiet għal permessi ta’ xogħol fis-settur tal-Y Plates u food couriers, li jfisser li l-ebda ċittadin ta’ pajjiż terz mhu ser jiġi f’pajjiżna biex jaħdem f’dawn is-setturi

Kien il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta u x-Xogħol li fi stqarrija qal li l-Gvern se jibqa’ jimplimenta d-deċiżjonijiet meħudin dwar il-ħaddiema ġejjin minn pajjiżi terzi.

L-istqarrija tgħid li minn Lulju 2024, abbażi ta’ evalwazzjoni li saret minn Jobsplus, ġie stabbilit li pajjiżna għandu biżżejjed ħaddiema tal-Y plates u food couriers. Għalhekk ġie deċiż li abbażi tar-reviżjoni estensiva tas-suq tax-xogħol, inklużi l-analiżi tar-reġistri tal-qgħad u l-postijiet battala ta’ min iħaddem, ma jiġux aċċettati applikazzjonijiet ġodda għal permessi ta’ xogħol f’dawn is-setturi, inklużi dawk ta’ individwi li għadhom barra minn Malta u dawk li jixtiequ jbiddlu lil min iħaddimhom.

“Għalhekk, JobsPlus ma ħarġet l-ebda approvazzjoni ta’ dan it-tip, li jfisser li ma żdied l-ebda ċittadin ta’ pajjiż terz f’dawn is-setturi. Fil-fatt, mill-1 ta’ Lulju sal-lum, naqsu b’587 l-ammont ta’ ċittadini ta’ pajjiżi terzi impjegati fis-setturi msemmija,” tgħid l-istqarrija.

Il-Ministeru jgħid ukoll li f’dan il-proċess, JobsPlus qed tagħmel kontinwament labour market test li jivverifika l-ħtieġa vera tas-suq tax-xogħol għal tali impjiegi. Hija l-fehma ta’ Jobsplus, anke wara kunsiderazzjoni tat-terminazzjonijiet u n-numru ta’ persuni preżentament ingaġġati f’dawn is-setturi, li Malta teħtieġ numru anqas ta’ ħaddiema f’dawn is-setturi minn meta ttieħdet id-deċiżjoni f’Lulju. Għaldaqstant, mhux ser ikunu aċċettati numru ta’ ħaddiema minn pajjiżi terzi fl-istess numru li telqu, iżda anqas.

Kien għalhekk ikompli jtenni l-Ministeru li JobsPlus abbażi ta’ dan il-monitoraġġ u assessjar tas-suq tax-xogħol ser tkun qiegħda:

“Tibqa’ tirrifjuta applikazzjonijiet għal permessi ta’ xogħol f’dawn is-setturi ta’ persuni li għadhom barra minn Malta, li jfisser li l-ebda ċittadin ta’ pajjiż terz mhu ser jiġi f’pajjiżna biex jaħdem f’dawn is-setturi;
“Ser tapprova numru limitat ta’ permessi, b’mod gradwali, lill-ħaddiema li diġà għandhom xogħol full-time f’Malta u li applikaw biex ikollhom ukoll part-time f’dawn is-setturi u lill-ħaddiema li diġà huma impjegati f’Malta u applikaw biex jaħdmu f’dawn is-setturi,” tgħid l-istqarrija.

“Jerġa’ jkun iċċarat li għal dan l-għan mhux ser jiġu kkunsidrati persuni li bħalissa m’għandhomx permess ta’ xogħol f’Malta,” itemm jgħid il-Ministeru għall-Intern, is-Sigurta u x-Xogħol

Ekonomija

Sport