Il-midfielder ta’ Real Madrid, Jude Bellingham, ġie sospiż żewġ logħbiet ta’ La Liga wara li ġie mkeċċi fid-draw ta’ 2-2 kontra Valencia, nhar is-Sibt li għadda.
Bellingham, 20 sena, ħaseb li kien skorja l-goal rebbieħ fis-sitt minuta tal-ħin miżjud.
Iżda r-referee, Gil Manzano, kien saffar għat-tmiem il-partita hekk kif ingħata l-cross .
Il-Federazzjoni Spanjola tal-Football (RFEF) qalet li Bellingham wera “disprezz” lejn Manzano meta players u staff tekniku daru miegħu jipprotestaw minħabba li l-goal ġie annullat.
Bellingham, li kien qed jagħmel ir-ritorn tiegħu wara tliet ġimgħat minħabba injury fl-għaksa, ġie mmultat €600 filwaqt li l-club ġie mmultat €700.
Real appellaw kontra l-karta l-ħamra ta’ Bellingham iżda l-kumitat dixxiplinarju tal-RFEF ċaħad l-argument tagħhom li r-referee kien għamel “żball”.
Il-coach, Carlo Ancelotti, qal wara l-inċident: “Ninsabu diżapppuntati bil-karta ħamra ta’ Bellingham għax ma qal xejn insulenti. Kienet biss frustrazzjoni.”
L-aqwa skorer ta’ Real dan l-istaġun b’16-il goal fil-kampjonat, Bellingham se jitlef il-logħob kontra Celta Vigo nhar il-Ħadd u Osasuna fis-16 ta’ Marzu.
Huwa se jkun disponibbli biex jirritorna kontra Athletic Bilbao, fil-31 ta’ Marzu, wara l-waqfa internazzjonali.