F’ġurnata oħra mimlija bil-logħob tal-gruppi, Brian Cini rebaħ mingħajr diffikultá t-tielet logħba tiegħu mingħajr ma tilef l-ebda frame u dan ipoġġih b’ċans kbir li jirbaħ il-grupp tiegħu jekk għada jirbaħ l-aħħar konfront tiegħu kontra Marko Grbovic tas-Serbja.
F’dan it-tieni jum ta’ kompetizzjoni waqt dan il-kampjonat riservat għall-irġiel, Frans Mintoff kellu gurnata tajba ħafna meta rebaħ iż-żewġ logħbiet tiegħu u bħal numru ta’ players oħra ser ikollu konfront dirett għal minn jikkwalifika għall-fażi tan-Knock-Out. Issa huwa jilgħab l-aħħar logħba tal-grupp kontra Nikita Kolpacenko tal-Litwanja.
L-uniċi żewġ players Maltin li Illum temmew l-impenji tagħhom f’din il-fażi kienu Alex Borg u Aaron Busuttil li kienu diġá kkwalifikaw. Borg rebaħ il-konfront tiegħu biex kiseb ir-raba’ rebħa u anke rebaħ il-grupp tiegħu filwaqt li Busuttil tilef u issa jkollu jistenna l-konfront li jmiss tal-player li rebaħlu, Ungeriż Zsolt Fenyvesi, għal minn ser jirbaħ il-grupp li jinsabu fih.
Philip Ciantar rebaħ il-logħba tiegħu biex kiseb it-tieni waħda waqt dan il-kampjonat u għada jaqta’ passaġġ għan-knock out jekk jegħleb lil Eldar Karamehmedovic tal-Bosnja Herzegovina. Player ieħor li jgħaddi jekk jirbaħ huwa Arthur Cachia li tilef biss fil-ħames u l-aħħar frame. Fiż-żewġ partiti preċedenti huwa rebaħ u issa jiltaqa’ kontra Mesrop Kamalyan tal-Armenja.
Interessanti huwa l-fatt kif żvolġa l-grupp li jinsab fih Tony Mifsud li għalkemm reġa’ tilef, issa li Dudi Eliau tal-Iżrael irtira mil-logħob għax jinsab ma jiflaħx, il-Malti jgħaddi għal fażi li jmiss jekk għada jirbaħ lit-Taljan Gianmarco Tonini.
Għal Chris Peplow kien jum ta’ mistrieħ iżda ser ikun player ieħor minn dawk li għandu logħba deċiżiva. Huwa jilgħab kontra Nadav Biton tal-Iżrael u min jirbaħ minnhom isib postu mal-aħħar 72.
Joseph Casha kiseb l-ewwel rebaħ tiegħu f’dan il-kampjonat f’logħba li spiċċat verament tard. Għalkemm mhux matematikament elimnat għandu ċ-ċans tiegħu, barra li jrid bilfors jirbaħ, jiddependi mir-riżultat tal-logħba l-oħra li jonqos fl-istess grupp.
L-istess każ għal Duncan Bezzina li tilef kontra l-aħjar player tal-grupp tiegħu, l-Iskoċċiż Ross Muir, li hawn min iqisu bħal sfidant ewlieni dan it-titlu. Muir li għaxar snin ilu kien ikkwalifika bħala professjonali mill-Q School kien semi-finalist ta’ dan il-kampjonat sentejn ilu f’Albufeira, il-Portugall.
Players oħra Maltin li sfaw megħluba kienu Frans Abdilla, Isaac Borg, Mechior Galea u Manwel Mallia. Dawn l-aħħar tnejn bi tliet telfiet huma definitivament eliminati. Isaac Borg jagħlaq l-impenji tiegħu fil-logħob tal-gruppi kontra r-rebbieħ tat-titlu ta’ Taħt it-18-il-sena l- Ungeriż Bulcsu Revesz.