Thursday, July 11, 2024

Kampjonat Ewropew U/21: Telfa għall-Maltin b’żewġ goals fit-tieni taqsima

Aqra wkoll

Malta ……….0

Belġju ………2

F’partita valida mir-round ta’ kwalifikazzjoni tal- Kampjonat Ewropew 2025 ta’ Taħt il-21 sena, wirja qalbiena ma kenitx biżżej­jed għal Malta meta sfaw megħ­luba mill-Belġju bl-iskor ta’ 2-0 biż-żewġ goals jaslu fit-tieni taqsima. 

Minkejja li  l-Belġjani ħol­qu bosta okkażjonijiet ta’ skor, il-Maltin għarfu jikkontrollaw tajjeb lill-avversarji tagħhom matul id-90 minuta u li kieku kienu iktar preċiżi fl-attakki tagħhom, setgħu anke saħansitra jsibu x-xibka.

Kienu l-Belġju li ħolqu l-ewwel periklu u resqu ferm viċin li jiftħu l-iskor meta fid-disa’ minuta, Arne Engels ikkonnettja ballun fit-tul iżda ra d-daqqa ta’ ras tiegħu taħbat mal-wieqfa bil-goalkeeper, Hugo Sacco, megħlub għal kollox. 

Huma komplew fuq l-offensiva u mal-kwarta logħob minn azzjoni ta’ corner, Koni De Winter ra d-daqqa ta’ ras tiegħu salvata b’mod spettakolari minn Sacco li dawwar f’corner iżda r-referee ma saffarx favuri il-Belġjani.

Fil-31 minuta, wasal l-ewwel ċans għall-Maltin iżda x-xutt ta’ Andrea Zammit minn barra l-kaxxa kien wisq ċentrali.

Fil-55 minuta, reġgħu kienu l-Belġjani li heddew hekk kif Malick Fofana mpenja lil Sacco b’xutt angolat.

Ir-reazzjoni tal-Maltin was­let ħames minuti wara minn Alejandro Garzia li avvanza iżda ra t-tentattiv tiegħu jiġi salvat mill-goalkeeper avversarju. 

Il-Belġjani komplew jippressaw u fid-69 minuta, is-sostitut Youssuf Sylla, falla bir-ras minn taħt il-lasti. Żewġ minuti wara, Fofana għadda lejn Eliot Mataso iżda xxuttja barra.

Fil-71 minuta, Arne Engels kellu x-xutt tiegħu salvat mill-goalkeeper Malti li bla dubju kien l-aħjar player Malti fil-ground.

Peró din l-azzjoni kienet il-preludju tal-goal hekk kif, fil-75 minuta, l-isforzi tal-Belġjani ġew ippremjati meta fetħu l-iskor meta Kazeem Olaigbe ġibed lejn ix-xellug, daħal fil-kaxxa l-kbira, għeleb difensur Malti qabel ma spara xutt għal ġor-rokna tax-xibka minn qagħda angolata.

Fid-90 minuta, il-Belġjani ssiġillaw ir-rebħa meta bi ġmiel ta’ free-kick eżatt minn tarf il-kaxxa, ARNE ENGELS venven xutt qawwi li spiċċa fir-rokna tas-saqaf tax-xibka u ħalla lill-goalkeeper Malti statiku għall-aħħar.

malta: 12-Hugo Sacco, 3-Owen Spiteri, 4-Jake Vassallo, 5-Matthew Ellul, 6-Karl Mohnani (13-Nikolai Micallef 77), 7-Mattia Veselji (9-Jake Engerer 77), 10-Andrea Zammit (21-Daniel Letherby 73), 11-Alejandro Garzia, 17-Gianluca Sciberras (Alfie Bridgeman 73), 18-Andrew Borg (22-Jamie Carbone 87), 20-Kurt Bondin   – Coach: Ivan Woods

BELĠJU: 1-Marten Vandevoordt, 3-Joem Spillers, 4-Koni De Winter, 6-Arne Engels, 7-Malick Fofana (13-Samuel Mbangula 83), 8-Astar Vranckx, 9-Lucas Stassin (18-Kazeem Olaigbe 62), 10-Eliot Mataso (15-Mario Stroeykens 78), 11-Luca Oyen (19-Youssuf Sylla 62), 20-Ignacar Van der Brempt (2-Hugo Siquet 46), 23-Tuur Rommens – Coach: Gil Swarts

REFEREE: Dzmitriy Dzmitriyeu (Belarus)

ASS. REFEREES:  Denis Emelyan­chikov, Anton Palayanau (Belarus)

RABA’ UFF: Aleksei Kuibakov (Belarus)

SKORERS: K. Olaigbe 75, A. Engels 90 (B)

AMMONITI: G. Sciberras (M)

Ekonomija

Sport