Wednesday, July 24, 2024

Franza, Belġju u Portugall isiru l-ewwel timijiet li jikkwalifikaw għall-Euro 2024

Aqra wkoll

Meta ntlagħab it-tieni programm tas-seba’ ġurnata tar-round ta’ kwalifikazzjoni tal-Euro 2024, Franza, Bel­ġju u Portugall, saru l-ewwel tliet timijiet (flimkien mat-team ospitu, il-Ġermanja) li kkwalifikaw għall-fażi finali.

Grupp B – Franza qatgħu l-passaġġ tagħhom meta barra minn darhom għelbu lill-Olanda bl-iskor ta’ 2-1 bil-goals jaslu mill-attakkant Kylian Mbappe (7, 53) filwaqt li Quilindschy Hartman (83) wieġeb għall-Olandiżi. 

Greċja rreġistraw rebħa mill-aktar importanti meta marru l-Irlanda u rebħulhom bl-iskor ta’ 2-0 biex qabżu lill-Olanda fit-tieni post tal-klassifika u tidher li se tkun taqtiegħa min minnhom se jikkwalifika. L-iskorers kienu Georgios Giakoumakis (20) u Giorgos Masouras (45).

Grupp F – Belġju laħqu l-objettiv tagħhom meta għelbu lill-Awstrija bl-iskor ta’ 3-2 bil-protagonisti jkunu Dodi Lukebakio (14, 55) u Romelu Lukaku (58).  Konrad Laimer (73) u Marcel Sabitzer (84 pen) wieġbu għall-Awstrijaċi. 

Azerbaijan irreġistraw l-ewwel rebħa meta marru l-Estonja u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 bil-goals jaslu fl-ew­wel taqsima minn Tural Bayramov (9) u Ramil Sheydaev (45 pen). B’din it-telfa l-Estonja baqgħu ankrati fil-qiegħ tal-klassifika mingħajr l-ebda punt.

Grupp J – Il-Portugall se jkunu fost l-24 finalisti ta’ din l-edizzjoni meta ospitaw lis-Slovakkja u ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2. Il-goals waslu minn Goncalo Ramos (18) u s-solitu Cristiano Ranaldo (29 pen, 72) biex kompla jkabbar ir-rekord ta’ 124 goals għal pajjiżu. David Hancko (69) u Stanislav Lobotka (81) skorjaw għas-Slovakki.

L-Islanda spiċċaw fi draw ta’ 1-1 kontra l-Lussemburgu. Kien Orri Steinn Oskarsson (23) li fetaħ l-iskor għat-team ospitu iżda Gerson Rodrigues (46) kiseb id-draw għal-Lussemburgu.

Bosnja marru Liechtenstein u għelbuhom bl-iskor ta’ 2-0 bl-iskorers ikunu Amar Rahmanovic (13) u Miroslav Stevanovic (41).

Ekonomija

Sport