Saturday, June 22, 2024

Tonali u Zaniolo rtirati mill-iskwadra Taljana

Aqra wkoll

L-iskandlu tal-imħatri tas-Serie A qed ikompli jespandi hekk kif il-media Taljana rrapportat li aktar minn tużżana players tas-Serie A – inkluż ieħor minn Juventus – ġew implikati fl-investigazzjoni.

L-aħbar inizjalment inxterdet nhar il-Ħamis li player ta’ Juventus, Nicolò Fagioli, kien taħt investigazzjoni dwar imħatri fuq pjattaforma llegali, li aktar tard ammetta fl-uffiċċju tal- prosekutur ta’ Turin. Huwa kien lest u għadda t-telefon tiegħu lill-pulizija, li malajr kabbru l-ambitu tal-iskandlu.

Sandro Tonali ta’ Newcastle United u Nicoló Zaniolo ta’ Aston Villa kienu ż-żewġ players li jmiss li ġew suspettati b’involviment, u t-tnejn irtiraw mill-kamp ta’ taħriġ tal-Italja għal-logħbiet kontra Malta tal-lum u kontra l-Ingilterra tat-Tlieta, wara li ġew interrogati mill-pulizija.

Fir-rapporti tal-media ġie spjegat kif l-investigazzjoni ħarġet fid-dawl ta’ aktar minn tużżana players tas-Serie A – inkluż wieħed mill-kollegi ta’ Fagioli f’Juventus – li wkoll poġġa mħatri fuq il-pjattaforma llegali.

Issa l-investigazzjoni ilha għaddejja għal ftit ġimgħat wara li nfetħet investigazzjoni wara mħatri anomali minn grupp kriminali. B’kumbinazzjoni, ġew skoperti l-imħatri ta’ Fagioli, li jiswew €100,000 fl-aħħar sena u nofs.

L-iskandlu qed jikber b’rata mgħaġġla u qed jirriskja li jara numru ta’ players sospiżi mill-football, li jista’ jdum sa tliet snin għal dawk li jonqsu milli jikkoperaw. Aġġornamenti huma mistennija fis-sigħat u l-jiem li ġejjin hekk kif jiġu żvelati aktar dettalji.

Sadanittant, il-ġurnalist Fabrizio Corona jsostni li Juventus kienu konxji tal-problema tal-imħatri ta’ Fagioli dan is-sajf u ppruvaw isolvu s-sitwazzjoni fis-skiet minflok ma jir­rappurtawha.

Fil-bidu ta’ Awwissu, Corona rrapporta li l-player ta’ Juventus kien poġġa mħatra fuq avvenimenti sportivi u kellu dejn ta’ €1 miljun minħabba vizzju serju tal-logħob tal-azzard. Nhar il-Ħamis huwa ammetta mal-investigaturi ta’ Turin li kien poġġa mħatri fuq pjattaformi llegali, iżda mhux fuq logħbiet li fihom kien involut xi wieħed mit-timijiet tiegħu.

Corona qal li l-problemi tal-imħatri ta’ Fa­gioli kienu magħrufa minn Juventus fis-sajf u li l-club għażel li ma jirrapportahomx lill-awtoritajiet.

Ekonomija

Sport