Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Birkirkara v Floriana fl-aqwa logħba ta’ tmiem il-ġimgħa

Aqra wkoll

Meta tintlagħab il-15-il ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier, żewġ logħbiet partikolari jispikkaw fuq l-oħrajn hekk kif Birkirkara jiltaqgħu ma’ Floriana filwaqt li Valletta jaffrontaw lil Sliema Wanderers. 

Bla dubju, dawn iż-żewġ konfronti se jlaqqgħu lil erba’ timijiet li għandhom storja kbira fil-logħba domestika fejn perjodikament iddominaw ix-xena lokali. 

Hamrun Spartans għandhom partita delikata meta jaffrontaw lil Naxxar Lions li huma t-team rivelazzjoni ta’ dan l-istaġun. 

Partita oħra interessanti hija dik bejn Sta Lucia u Hibernians, żewġ lokalitajiet viċini ta’ xulxin.

Iż-żewġ timijiet li qed jaqsmu l-aħħar pożizzjoni, Gudja United u Sirens, jilagħbu kontra Marsaxlokk u Mosta rispettivament.

Partita oħra b’interess partikolari hija dik bejn Gzira United u Bal­zan. 

Birkirkara v Floriana – Din il-partita tiftaħ il-programm ta’ seba’ logħbiet bil-Furjaniżi jimmiraw li joħorġu bit-tliet punti biex jibqgħu jżommu l-pass mal-leaders Hamrun Spartans. 

Min-naħa tagħhom, dan huwa mument ieħor kruċjali għal Birkirkara biex jibqgħu jżommu l-kuntatt mat-timijiet li qed jisfidaw għal post fil-kompetizzjonijiet Ew­ropew.

Telfa għall-Istripes tkun daqqa ta’ ħarta kbira min­ħabba li diġá jinsabu tmien punt wara t-team li qed jokkupa t-tielet post … Sliema Wanderers. 

U proprju l-aħħar partita tal-Karkariżi kienet kontra l-Wanderers li temmew fi draw ta’ mingħajr goals liema riżultat ma kkuntenta lil ħadd. 

Għaldaqstant, huma jri­du jirritornaw għar-rebħ kif ukoll ipattu għad-diżappunt tat-telfa ta’ 2-0 li sofrew fl-ewwel round kontra l-Furjaniżi.

Valletta v Sliema W. – Din hija logħba li tqanqal nostalġija kbira hekk kif fiż-żminijiet passati din il- fixture kienet tkaxkar eluf ta’ partitarji lejn l-Empire Sta­dium tal-Gżira. 

L-attendenzi llum naqsu drastikament izda l-partita tal-lum xorta waħ­da għandha importanza kbira.

Dan minħabba li filwaqt li s-Slimiżi jridu jibqgħu fiż-żona Ewropea u possibbilment jisfidaw għar-rebħ tat-titlu, l-objettiv tal-Beltin huwa s-salvazzjoni. 

Barra minn hekk, huma jridu jagħmlu tpattija sportiva fuq il-Wanderers wara li fl-ewwel round dawn tal-aħħar ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0.       

U jidher li l-Lilywhites bħal donnhom qabdu r-ritmu hekk kif ġejjin minn żewġ rebħiet identiċi ta’ 3-0, kontra Gudja United u Sirens.

Hamrun S. v Naxxar L. – Iċ-champions u leaders tal- klassifika, Hamrun Spartans jiffaċċjaw lil Naxxar   Lions li wara bidu nċert, issa bħal donnhom immaturaw, tant, li issa ilhom ma jitilfu għal dawn l-aħħar tliet partiti. 

Barra minn hekk, issa ilhom ma jegħlbu lill-Ispartans għal dawn l-aħħar 13-il partita meta l-aħħar li rebħulhom kien nhar it-3 ta’ Mejju, 1997, bl-iskor ta’ 1-0. 

Filwaqt li Pablo Augusto Carvalho jirritorna għan- Naxxarin minn sospensjoni, il-Ħamruniżi se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiż Elionay Freitas da Silva.

Fl-ewwel round, Hamrun kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor kbir ta’ 4-0.  

Marsaxlokk v Gudja U. – Hija prijoritá għal Marsa­xlokk li jirritornaw għar- rebħ meta ilhom ma jagħmlu dan għal dawn l-aħħar erba’ partiti li fihom kisbu biss tliet punti bil-konsegwenza li waqgħu fir-raba’ post tal-klassifika u jinsabu seba’ punti ‘l bogħod miż-żona Ewropea. 

Huma se jiltaqgħu kontra Gudja United li huma l-uniku team li għadu qed ifittex l-ewwel rebħa f’dan l-istaġun. 

Barra minn hekk, il-Gudjani ilhom ma jiskorjaw għal dawn l-aħħar tliet partiti li fihom ħarġu telliefa. 

Telfa oħra tkun tfisser daqqa oħra ‘l isfel lejn ir-re­legazzjoni. 

Għalihom jirritorna Ricardo Mendes Mango Fernandes minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round, iż-żewġ timijiet temmew fi draw ta’ 1-1. 

Mosta v Sirens – Din il- partita hija bejn żewġ ġirien li jinsabu fin-naħa t’isfel tal-klassifika. 

Rebħa għal Sirens tħallihom jittamaw li jistgħu jżommu posthom fl-ogħla diviżjoni għalkemm wieħed irid jistqarr li se tkun diffiċli għalihom. Iżda rebħa għall-Mostin tkun tfisser li jagħmlu pass importanti lejn is-salvazzjoni. 

Iż-żewġ timijiet mistennija jinżlu bl-aqwa formaz­zjoni possibbli. 

Fl-ewwel round spiċċaw fi draw ta’ 1-1.

Sta Lucia v Hibernians– Sta Lucia, fil-bżonn tal-punti biex isalvaw, jiltaqgħu ma’ Hibernians  li wkoll iridu l-punti biex ikomplu jisfidaw għat-tielet post. 

Dan se jkun it-tmien konfront ta’ bejniethom fl-ogħla diviżjoni fejn il-Luċjani għad iridu jegħlbu lill-Paw­listi hekk kif fis-seba’ partiti preċedenti, Hibernians reb­ħu ħamsa bit-tnejn l-oħra jispiċċaw fi draw. 

Interessanti huwa l-fatt ukoll li l-aħħar tliet partiti, Hibs ħarġu rebbieħa bl-iskor identiku ta’ 3-2.

Gzira U. v Balzan – Xejn għajr minn rebħa ma tis­so­disfa lil Gzira Uni­ted meta jilagħbu kontra Balzan minħabba li jinsabu fil- periklu tal-għarqa. 

Min-naħa l-oħra, Balzan ġejjin minn telfa ta’ 7-1 kontra Hamrun Spartans, li kienet l-agħar waħda fl-istorja tal-club. 

Huma għandhom ukoll lil Samir Arab sospiż filwaqt li Thaylor Aldama jirritorna għall-Maroons minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round, Balzan kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 1-0. 

– Cristian Muscat

Ekonomija

Sport