Wednesday, July 24, 2024

IL-PARTEĊIPAZZJONI FL-ELEZZJONIJIET TAL-PE

Aqra wkoll

Il-Parlament Ewropew f’Malta mbarka fuq kampanja biex iħeġġeġ lin-nies jeżerċitaw id-dritt tal-vot tagħhom u fl-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej joħorġu jivvutaw u b’hekk ikunu qed jipparteċipaw fid-demokrazija tal-pajjiż. Dan qed iseħħ anke fl-isfond tal-aħħar stħarriġ tal-Ewrobarometru li wera kif 70% tal-Maltin beħsiebhom jivvutaw fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew.

Nemmnu li kollox iħoll u jorbot mill-istess poplu u kemm għandu fiduċja fil-kandidati u fl-istituzzjoni tal-Parlament Ewropew. Il-PE huwa l-uniku istituzzjoni demokratika fl-istrutturi kollha tal-Unjoni Ewropea għaliex dawn ikunu eletti direttament miċ-ċittadini tal-pajjiżi rispettivi.

Għalhekk, il-messaġġ li għandu jitwassal huwa dwar il-ħidma ta’ din l-istituzzjoni u kif fl-aħħar mill-aħħar qiegħda tkun ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej. L-uffiċċju tal-Parlament Ewropew f’Malta qiegħed jaħdem biex jitwassal dan il-messaġġ biex dawk li s’issa għad mhumiex konvinti jew mhux interessati li jivvutaw, jibdlu fehemthom u joħorġu jivvutaw.

Wara l-elezzjonijiet ta’ Ġunju li ġej, Malta se jkollha delegazzjoni ġdida ffurmata minn Membri Parlamentari Ewropew li jistgħu jinkludu taħlita ta’ persuni li diġà għamlu isem għal Malta fil-PE u uċuħ li jistgħu jkunu ġodda imma li m’għandhomx jiġu sottovalutati għal dak li għandhom x’joffru.

Mas-sħubija tagħha fl-Unjoni Ewropea, Malta ngħatat id-dritt li tkun parti f’kull deċiżjoni li jittieħed fil-livell Ewropew. Għalhekk nittamaw li r-rappreżentanti Maltin fil-PE jimtlew bil-ħeġġa biex jiddefendu l-interess u isem pajjiżna l-ħin kollu. Aħna rridu nkunu parteċipi f’dan il-mument uniku meta lkoll nistgħu niddeċiedu kollettivament dwar il-futur tal-istess Unjoni Ewropea, li twaqqfet biex iġġib l-għaqda u l-prospertà fost il-pajjiżi tal-kontinent Ewropew.

Aħna konvinti li min se jkun elett, se jaħdem fuq dawn il-prinċipji aktar u aktar meta l-vokazzjoni ġenerali ta’ pajjiżna hija li tirrenja s-sliem mhux biss fir-reġjun tal-Mediterran imma wkoll fost il-pajjiżi kollha tal-Ewropa. Dan ngħiduh billi l-Parlamentari Ewropej Maltin diġà taw prova f’din il-leġiżlatura, li kapaċi daqs ħaddieħor joħorġu b’ideat u suġġerimenti li huma ta’ benefiċċju għaċ-ċittadini Ewropej, mhux l-inqas il-Maltin.

Ekonomija

Sport