Wednesday, July 24, 2024

Kampjonat Premier: Hamrun Spartans kellhom jitħabtu

Aqra wkoll

Gzira United …….…0

Hamrun Spartans ….1

F’partita pjaċevoli mill-bidu sat-tmiem u li fiha r-riżultat seta’ jmur kull naħa, Hamrun Spartans għelbu lil Gzira United bl-iskor minimu ta’ 1-0, biex b’hekk żammew il-pass mal-leaders Floriana.

Kienet rebħa sofferta għall-Ispartans, bil-Maroons joffru sfida denja. Iżda wie­ħed irid isemmi wkoll li Hamrun lagħbu l-aħħar 20 minuta bi player inqas.

Kien fit-13-il minuta li waslet l-ewwel azzjoni meta l-Ħamruniż, Luke Montebello, kellu t-tentattiv tiegħu jistampa mal-mimduda.

Gzira wieġbu ħames mi­nuti wara u appellaw għall-penalty meta l-ballun deher jaħbat ma’ id Christian Rutjens iżda r-referee, Malcolm Spiteri, ħalla l-logħob għaddej fost protesti ferventi tal-partitarji, diriġenti u players Gżirjani.

Fit-43 minuta, Gzira kienu sfortunati li li ma fetħux l-iskor meta l-Brażiljan Gabriel Bohrer Mentz venven xutt mid-distanza li heżheż il-wieqfa bil-goalkeeper, Fe­derico Marchetti, megħlub għal kollox.

U minn dan iċ-ċans fallut approfittaw bis-sħiħ l-Ispartans li fetħu l-iskor fil-45 minuta meta Juan Carlos Corbalan xeħet cross lejn Seth Paintsil bil-ballun jaħ­bat ma’ idu qabel għadda lejn ROKO PRSA li bir-ras tefa’ ġewwa. Għal darb’oħra reġgħu feġġew il-protesti tal-Maroons minħabba l-allegat handsball ta’ Paintsil iżda kien kollox normali għall-uffiċjal tal-logħba.

Ħames minuti mill-ftuħ tat-tieni taqsima, Gzira resqu viċin meta Thaylor Aldama dar tajjeb ma’ difensur avversarju u fajjar xutt li ħabat man-naħa ta’ barra tax-xibka.

Hamrun wieġbu fil-55 minuta meta Jonny venven xutt b’saħħtu mill-viċin li għadda ftit barra.

Fid-69 minuta, Hamrun, qalgħu daqqa ta’ ħarta hekk kif spiċċaw jilagħbu b’10 players wara li tkeċċa d-di­fensur, Emerson Marcelina, wara li rċieva t-tieni karta safra.

U konxji mis-superjoritá numerika, Gzira tefgħu kollox fuq l-attakk u fil-85 minuta Mentz ittanta xortih permezz ta’ xutt mid-distanza li għadda ftit għoli.

U proprju fil-ħames minuta tal-ħin miżjud, Gzira kienu għoddu kisbu d-draw meta minn azzjoni ta’ corner Lucas Macula ġie antiċipat fil-ħin minn taħt il-lasti. 

GZIRA U.: 30-Darijan Zarkov, 2-Carlos Filho Conceicao (16-Luis Carlos Riascos 62), 3-Gabriel Bohrer Mentz, 4-Andrew Borg (74-Dacosta Boadu 80), 7-Thaylor Aldama, 8-Zachary Scerri, 9-Marcelo Dias (19-Kyle Spence 85), 11-Lucas Macula, 20-Farid Romero Zuniga, 21-Zachary Cassar, 47-Brooklyn Borg – Coach: Andrew Cohen

HAMRUN S.: 22-Federico Marchetti, 7-Luke Montebello (25-Ederson Bruno Domingos 85), 12-Roko Prsa, 14-Elionay Freitas Da Silva, 27-Ognjen Bjelicic, 28-Juan Carlos Corbalan, 30-Seth Paintsil (4-Steve Borg 71), 33-Christian Rutjens, 91-Emerson Marcelina, 94-Ryan Camenzuli, 98-Jonny  – Coach: Luciano Zauri

REFEREE: Malcolm Spiteri

ASS. REFEREES: Roberto Vella, Max-Lee Muscat

RABA’ UFF: Ishmael Barbara

SKORER: R. Prsa 45 (HS)

AMMONITI: D. Zarkov (GU), E. Marcelina (2), R. Camenzuli, R. Prsa (HS)

TKEĊĊA: E. Marcelina 69 (HS)

Ekonomija

Sport