Friday, May 3, 2024

Kampjonat Premier: Tibqa’ t-taqtiegħa fin-naħa ta’ fuq u dik t’isfel tal-klassifika

Aqra wkoll

Illum u għada tintlagħab l-24 ġurnata tal-BOV Kam­pjonat Premier bi programm ferm interessanti. 

Dan minħabba li filwaqt li t-taqtiegħa għar-rebħ tat- titlu hija  bejn Floriana u Hamrun Spartans, in-naħa t’isfel hija kumplessa u kkumplikata meta għad iridu jiġu deċiżi ż-żewġ ti­mi­jiet (minn sitta) li se jikkumpanjaw lil Sirens u Gudja United … diġá relegati għaċ-Challen­ge League. 

Floriana għandhom partita diffiċli kontra Marsaxlokk filwaqt li Hamrun Spartans jibdew favoriti kontra Sta Lucia li huma fil-bżonn tal- punti  minħabba li jinsabu fil-periklu. 

Naxxar Lions u Balzan għandhom bżonn rebħa biex jaċċertaw mis-salvaz­zjoni meta jilagħbu kontra Sliema Wanderers u Valletta rispettivament. 

Filwaqt li l-Wanderers huma kważi assigurati mit- tielet post, xejn għajr minn rebħa ma tissodisfa lil Valletta li jinsabu fiż-żona tar- relegazzjoni.  

Mosta jimmiraw għal reb­ħa kontra Hibernians li hija imperattiva biex jib­qgħu jittamaw li jżommu l-profil tagħhom fl-ogħla diviżjoni. 

Rebħa għal Gzira United kontra Birkirkara tkun tfis­ser pass kbir lejn is-salvaz­zjoni.   

Marsaxlokk v Floriana – Il-leaders Floriana jaffrontaw lil Marsaxlokk li qed jisfidaw għar-raba’ post li jista’ jfisser post fil-UEFA Conference League jekk iż-żewġ timijiet li jinsabu qabilhom fil-klassifika, f’dan il-każ l-istess Floriana u Sliema Wanderers, jirbħu l- FA Trophy.

Dan se jkun it-tielet konfront bejn dawn iż-żewġ timijiet hekk kif fit-tnejn preċedenti l-Greens ħarġu rebbieħa – 3-2 fil-kampjonat u 2-0 fl-FA Trophy. 

Il-Furjaniżi jimmiraw li jirreġistraw is-seba’ rebħa konsekuttiva qabel ma jiltaqgħu fil-konfront kruċjali kontra Hamrun Spartans li jista’ jiddeċiedi fejn se jmur it-titlu. 

Minbarra li Marsaxlokk huma ostaklu diffiċli, Floriana jridu joqogħdu attenti minħabba li għandhom disa’ players bi tliet karti sofor … u r-raba’ waħda tkun tfisser sospensjoni kontra l-Ispartans. 

Għaldaqstant kull pass f’din il-logħba jrid ikun meq­jus mill-Furjaniżi. 

L-uniku player sospiż hu­wa Samuel Cassar ta’ Mar­saxlokk filwaqt li jirritorna Jake Ghio minn sospensjoni. 

 Hamrun S. v Sta Lucia – Minkejja li fir-rebħa ta’ 1-0 fuq Gzira United ma tantx impressjonaw, Hamrun Spartans xorta waħda jibdew bħala favoriti netti li jegħlbu lil Santa Lucia li ġejjin minn telfa ta’ 3-0 kontra Marsaxlokk li ħalliet­hom f’periklu kbir li jitilfu posthom mal-kbar. 

U telfa kontra l-Ħamruni­żi tressaqhom aktar f’xifer l-irdum!

L-Ispartans se jkollhom jgħaddu mingħajr is-sospiżi Emerson Marcelina u Roko Prsa filwaqt li l-goalkeeper, Henry Bonello, qed jirkupra minn injury fit-tul. Iżda jirritornaw Joseph Mbong u Uros Duranovic. 

Min-naħa l-oħra, Abraham Timotipe Ojo huwa sospiż għal-Luċjani.

Fl-ewwel round Harmun rebħu bl-iskor ta’ 3-1. 

Sliema W. v Naxxar L. – Din hija partita li Naxxar  Lions iridu jirbħu biex jaċ­ċertaw posthom mal-kbar. 

Il-pressjoni tinsab kollha fuqhom minħabba li Sliema Wanderers jinsabu xxamplati fit-tielet post tal-klassifika u jidher li probabbilment mhux se jintlaħqu. 

Jekk il-Lions jonqsu milli jirbħu, iż-żewġ logħbiet li jkun fadlilhom huma dawk diretti kontra Valletta u Mos­ta li jinsabu fiż-żona l-ħamra. 

Il-Wanderers għandhom lil Gustavo Alcino sospiż iżda jirritorna Bernard Henrique Freire minn sospensjoni. 

Fl-ewwel round, is-Slimi­żi rebħu bl-iskor ta’ 4-1.   

Mosta v Hibernians – Jekk Mosta jridu jibqgħu ji­­lagħbu fil-Kampjonat Pre -­mier, xejn għajr minn rebħa ma tikkuntentahom minħab­ba li jinsabu fiż-żona l-ħamra.

Huma għandhom partita diffiċli kontra Hibernians li ġejjin minn draw ta’ 2-2 kontra Valletta. 

Barra minn hekk, iridu jdawru l-fortuni tagħhom minħabba li fl-aħħar erba’ ħarġiet kisbu punt wieħed biss … u issa jridu almenu sitt punti minn tliet partiti.

L-uniku player sospiż hu­wa l-Mosti, Bradley Farrugia.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet spiċċaw draw ta’ 0-0. 

Balzan v Valletta – Dan huwa konfront mill-aktar interessanti minħabba li ż-żewġ timijiet iridu rebħa … Balzan biex jassiguraw posthom filwaqt li Valletta biex jibqgħu jittamaw. 

Jekk Valletta jfallu milli jirbħu jkollhom sieq waħda fiċ-Challenge League. 

Kull team għandu player sospiż – Juan Bolanos Ra­mirez għal Valletta u Ryohei Michibuchi għal Balzan.

Fl-ewwel round iż-żewġ timijiet temmew 0-0. 

Gzira U. v Birkirkara – Reb­ħa għal Gzira United sserħilhom rashom li staġun ieħor jilagħbu fl-ogħla diviżjoni kontra team li qed jisfida għar-raba’ post … Birkirkara. 

Jekk juru l-istess impenn li wrew kontra Hamrun minkejja t-telfa ta’ 1-0, ma tkun l-ebda sorpriża li l-Maroons jilħqu l-objettiv tagħ­hom. 

Għall-Karkariżi, li fl-ewwel round kienu ħarġu rebbieħa bl-iskor ta’ 3-2, se jirritorna għalihom Ali Diakite minn sospensjoni. 

Sirens v Gudja U. – Dan huwa konfront bejn iż-żewġ timijiet diġá relegati. 

Sirens għandhom lil Gilberto Carrara sospiż filwaqt li Gudja United jinżlu bl-aħjar formazzjoni possibbli. 

– Cristian Muscat

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport