Saturday, May 4, 2024

Kampjonat Premier: Tispikka Floriana v Valletta fit-tielet ġurnata

Aqra wkoll

Wara l-programm internazzjonali fejn it-team Malti kien impenjat fi tliet partiti mir-round ta’ kwalifikazzjoni tat-Tazza tad-Dinja 2022, illum u għada tintlagħab it-tielet ġurnata tal-BOV Kampjonat Premier fejn l-attrazzjoni prinċipali hija l-konfront kolossali bejn ir-rivali eterni Floriana u Valletta.

Barra minn hekk, se jintlagħbu tliet partiti bejn rivali ġirien. Dawn huma Gzira U. v Sliema W., Gudja U. v Sta Lucia u Balzan v Birkirkara.

Floriana v Valletta – Din hija l-partita ewlenija ta’ dan tmiem il-ġimgħa fejn Floriana jiffaċċjaw lil Valletta.

Filwaqt li l-Beltin jinsabu xxamplati fil-quċċata tal- klassifika flimkien ma’ Hibernians u Birkirkara wara li rebħu ż-żewġ logħbiet, Floriana għadhom qed ifittxu l-ewwel rebħa meta fiż-żewġ ħarġiet  tagħhom ġew miżmuma minn Sta Lucia (2-2) u Sliema W. (0-0).

Minkejja li kontra l-Wanderers huma ddominaw għal perjodi twal, il-Greens naqsu li jikkonkludu biex waqqgħu żewġ punti importanti.

Mill-aħħar logħba huma ngaġġaw tliet players – Mattia Veselji, Eugeniu Rebenja (Moldova) u Andrei Ciolacu (Rumanija).

Il-moral ta’ Valletta huwa għoli fejn jittamaw li l-attakkant Taljan, Mario Fontanella, ikun fl-aqwa forma tiegħu hekk kif huwa wkoll l-aqwa skorer tagħhom.

Huma ffirmaw ukoll lill- goalkeeper Manuel Bartolo.

L-aħħar 10 konfronti ta’ bejniethom kienu bilanċjati hekk kif kull team kiseb tliet rebħiet bl-erba’ logħbiet l- oħra jintemmu fi draw.

Mosta v Hamrun S. – Iċ-champions renjanti Ham­run Spartans se jkunu qed jimmiraw biex jiksbu l-ew­wel punti tal-istaġun hekk kif jaffrontaw lil Mosta.

Huma ġejjin minn żewġ telfiet konsekuttivi wara li ċedew vantaġġ ta’ goal għal skor identiku ta’ 2-1 kontra Valletta u Birkirkara rispettivament.

Fil-veritá l-pressjoni tin­sab kollha fuqhom fejn ma jistgħux iwaqqgħu aktar punti minkejja li ninsabu fi   stadju hekk bikri tal-kampjonat.

L-Ispartans mistennija jintroduċu lill-akkwist il-ġdid mingħand Newport County, Luke Gambin, li kien nieqes fiż-żewġ partiti preċedenti minħabba li kellu josserva kwarantina obbligatorja mir- Renju Unit. 

Huma ffirmaw ukoll lid- difensur Ghanjan, Isaac Ntow, mingħand Birkirkara li deher destinat għal ma’  Mosta.

Dawn tal-aħħar jimmiraw li jagħtu t-tielet gambetta nfila lill-Ispartans biex fl-istess waqt jirreġistraw l-ewwel reb­ħa wara bidu pjuttost diżappuntanti … wara telfa kontra Birkirkara (2-0) u draw kontra Sirens (1-1).

Gzira U. v Sliema W. – Gzira United jiltaqgħu kontra Sliema Wanderers, żewġ timijiet li bdew l-istaġun fuq nota negattiva u għaldaqstant jimmiraw għall-ewwel reb­ħa … hekk kif ġejjin minn telfa u draw rispettivament. 

Il-Maroons ġew imsaħħa bl-akkwist  tal-attakkant Bra­żiljan Yuri de Jesus Messias li fil-passat lagħab ma’ Mosta, Naxxar Lions, Valletta u Gudja United, qabel ma mar jilgħab fil-kampjonat tal- Bahrain, fi Frar li għadda.

Il-Blues iridu jkunu fl-aqwa forma possibbli minħabba li fiż-żewġ logħbiet preċedenti dehru vulnerabbli f’ċerti dipartimenti speċjalment fl-attakk hekk kif huma l-uniku team li għadu ma sabx ix-xibka avversarja.

Fil-partita kontra Floriana, huma batew tattikament speċjalment wara l-mistrieħ fejn il-goalkeeper, Timothy Aquilina, kien providenzjali biex salva lit-team fl-aktar sitwazzjonijiet kruċjali.

Sirens v Hibernians – Sirens jaffrontaw lil Hiber­nians, li huma fost il-favoriti għar-rebħ tat-titlu fejn huma qed igawdu wkoll l-ewwel post flimkien ma’ Birkirkara u Valletta.

S’issa huma wieħed mill- aktar timijiet li mpressjonaw kemm fl-inċiżivitá fl-attakk kif ukoll fis-soliditá tad-difiża minbarra l-mentalitá rebbieħa li jippossjiedu.

Infatti, fil-konfront pre­ċedenti huma ħarġu rebbieħa 2-1 fuq Gudja United, proprju fl-aħħar azzjoni tal-logħba bil-goal importanti jasal minn Jake Grech.

Iżda huma konxji wkoll li għadhom qatt ma għelbu lil Sirens fejn dawn tal-aħħar mistennija joffru sfida denja biex jannullaw kull theddida ġejja mill-attakkanti letali tagħhom.

Rebħa tara lill-Pawlini jaqbżu lill-istess Pawlisti fl- ewwel tliet postijiet tal-klassifika.

Gudja U. v Sta Lucia – Fil-logħba kontra l-ġirien Sta Lucia, Gudja United ikunu qed ifittux l-ewwel punt tal-istaġun.

Wara żewġ telfiet, il-Gudjani jridu jagħrfu kif se jimplimentaw approċċ ġdid kontra l-Luċjani.

U għalkemm ninsabu fl-istadju bikri tal-istaġun, l-objettiv ta’ Gudja għandu jkun kif se jżommu posthom fl-ogħla diviżjoni.

Min-naħa tagħhom, St Lucia jimmiraw għall-ewwel rebħa wara żewġ draws – kontra Floriana (2-2) u Gzira U. (1-1).

Huma ġew miċħuda t-tliet punti kontra l-Gzirjani grazzi għal penalty li sofrew sitt minuti mit-tmiem.

Iżda b’mod ġenerali, huma impressjonaw fl-aħħar żewġ logħbiet u għandhom jibdew bħala favoriti li joħorġu rebbieħa … iżda Gudja żgur li se jqumu għall-okkażjoni.

Sta Lucia se jkunu mingħajr is-sospiż, Jan Tanti, li ntwera żewġ karti sofor kontra l-Maroons.

Balzan v Birkirkara – Partita oħra bejn il-ġirien hija dik bejn Balzan u Birkirkara li kellhom bidu perfett b’żewġ rebħiet impressjonanti li bla dubju jagħmluhom fost l-isfidanti għar-rebħ tal-kampjonat.

Balzan jiffaċċjaw lill-ġirien Birkirkara li bdew il-kampanja tagħhom għal bidu perfett, b’żewġ rebħiet minn tnejn, li jistgħu jibdluhom fi sfidanti ġenwini tat-titlu.

Huma warrbu l-isfida ta’ Mosta (3-0) u ta’ Hamrun Spartans (2-1) fejn kontra dawn tal-aħħar dawru telfa  għal rebħa mill-aktar mis­tħoq­qa.

Iżda issa huma se jiffaċ­ċjaw ostaklu ieħor diffiċli. Balzan jimmiraw li jirritornaw għar-rebħ hekk kif ġejjin minn  telfa ta’ 1-0 kontra Valletta.

Iżda minkejja t-telfa, huma ppreżentaw prestaz­zjoni mill-aktar sodisfaċenti fejn kellhom ibaxxu rashom għal auto-goal sfortunat tad- difensur Olandiż, Augustine Loof.

Id-difensur ta’ Birkirkara, Enrico Pepe, huwa dubjuż wara sofra injury fit-telfa ta’ 1-0 ta’ Malta kontra s-Slovenja.

Iżda l-Istripes se jkunu żgur mingħajr is-servizzi tat-Taljan, Claudio Bonanni, minħabba li huwa sospiż wara li tkeċċa kontra Hamrun Spartans.

Sport