Friday, February 7, 2025

Kaos, Katastrofi u Kummiedja – f’Żewġ Teatri!

Aqra wkoll

Il-produzzjoni komika tal-MADC ta’ The Coarse Acting Show ta’ Michael Green, li se tittella’ f’żewġ teatri, mistennija tkun il-kummiedja tal-istaġun – u l-biljetti qed jinħatfu.

Lestu ruħkom għal pandemonju teatrali f’Marzu li ġej, kemm fit-Teatru Salesjan kif ukoll fit-Teatru Manoel.

U dan għaliex l-MADC waslet biex tiftaħ is-siparju għal The Coarse Acting Show ta’ Michael Green – produzzjoni mill-aktar divertenti li tikkonsisti f’sett ta’ sitt kummiedji qosra brillanti, fejn kull diżastru immaġinabbli jseħħ proprju quddiem għajnejn l-udjenza.

F’din is-serata ta’ daħq bla waqfien, kulma jista’ jmur żmerċ, se jmur żmerċ. Minn settijiet jikkrollaw sa linji minsija, sa props mitlufin u sinjali mogħtija f’ħin ħażin, dan il-format ta’ dramm-ġo-dramm jippreżenta grupp ta’ atturi ddisprati li qed jippruvaw iżommu d-dinjità waqt li d-drammi li qed jaħdmu jiddeġeneraw f’kaos totali.

Din il-produzzjoni tal-MADC tlaqqa’ kast komiku eċċellenti taħt id-direzzjoni ta’ Stephen Oliver, fosthom Alan Paris, Andrea Pace, Brendon Thearle, Craig Abela, Edward Caruana Galizia, Edward Thorpe, Francesca Briffa, Franco Sciberras, Jacob Falzon, Kate De Cesare, Leah Grech, Kim Dalli, Richard Godden u Shaun Rizzo.

B’mod li jifqgħek bid-daħq, kull wieħed mis-sitt drammi qosra li jiffurmaw din il-produzzjoni jippreżenta lill-atturi fl-agħar tagħhom. Streuth hija l-misteru klassiku ta’ qtil li Agatha Christie qatt ma kienet tazzarda tikteb, filwaqt li A Collier’s Tuesday Tea tipprova twassal drama serja tan-Nord li tikkombina kċina ma’ minjiera tal-faħam, iżda tiġi żvijata għalkollox mill-aċċenti mkissra.

All’s Well That Ends As You Like It iġġiegħel ir-reċta Shakespearjana tilħaq livelli ġodda ta’ diżastru, bħalma tagħmel ukoll The Cherry Sisters, biċċa xogħol ‘mhux skoperta’ ta’ Chekhov miżgħuda b’tant sinċerità li kważi tqanqlek – jew tal-inqas hekk suppost tagħmel, li ma kienx għall-fatt li xi ħadd ikollu jmut bilwieqfa biex ipatti għal difett fil-props.

Last Call for Breakfast isservi assurdità avangardista fil-qosor, li b’xorti ħażina tkompli tiqsar meta attur jinqabad fi blackout, u Julius and Cleopatra tagħlaq is-serata b’taqbida teatrali li tibqa’ tissemma, kompluta b’tellieqa bil-karrijiet li trid taraha b’għajnejk biex temminha.

“Eċċitati ferm li se ntellgħu din il-produzzjoni fuq il-palk,” qal Stephen Oliver. “The Coarse Acting Show ta’ Michael Green hija ittra ta’ mħabba lit-teatru – ħarsa esaġerata u li taqsmek bid-daħq lejn dak kollu li jista’ u li jmur ħażin wara l-kwinti. Hija ċelebrazzjoni tar-reċtar live, tal-iżbalji umani, u tal-maġija li sseħħ meta l-atturi jirrifjutaw li jċedu, minkejja d-diżastri kollha li jinqalgħulhom. L-udjenzi se jieħdu gost biha żgur – kemm id-dilettanti tat-teatru u kif ukoll dawk interessati biss f’serata ta’ daħq sfrenat.”

Il-produzzjoni tal-MADC ta’ The Coarse Acting Show ta’ Michael Green se tittella’ fit-Teatru Salesjan, Tas-Sliema, fl-14, 15, 16 ta’ Marzu u fit-Teatru Manoel, il-Belt Valletta, fil-21, 22, 23 ta’ Marzu, bil-wirjiet kollha jibdew fis-7.30pm. Din il-produzzjoni hija addattata għal udjenzi minn 10 snin ‘il fuq. Il-booking issa miftuħ fuq www.madc.com.mt għall-wirjiet fit-Teatru Salesjan u fuq www.teatrumanoel.mt għall-wirjiet fit-Teatru Manoel. Din il-produzzjoni amatorjali ta’ The Coarse Acting Show qed tittella’ b’arranġament ma’ Concord Theatricals Ltd f’isem Samuel French Ltd: www.concordtheatricals.co.uk.

– TMIEM –  

 

Nota għall-Edituri:

  

Għal aktar informazzjoni dwar l-MADC, jekk jogħġbok ikkuntattja lil: 

Paula Fleri Soler

Head of PR & Events

Finesse Group

m: +356 9945 8625

e:  [email protected]  

w: www.byfinessegroup.com 

ĦALLI RISPOSTA

Jekk jogħġbok ikteb il-kumment tiegħek!
Jekk jogħġbok iktebismek hawn

Sport