Sunday, July 26, 2026
Home Kultura Kapitlu Tlettax iwasslu l-istorja ta’ Miguel f’Qalb ta’ Ljun

Kapitlu Tlettax iwasslu l-istorja ta’ Miguel f’Qalb ta’ Ljun

0
1

Kapitlu Tlettax jirritornaw bit-tieni single tagħhom tal-2026, “Qalb ta’ Ljun”, kanzunetta ispirata mill-istorja ta’ Miguel, ġuvnott li għadda minn żmien mill-aktar iebes minħabba l-kanċer. F’din il-kanzunetta, mal-vuċijiet tal-grupp tingħaqad ukoll Federica Falzon.

Youtube video

Minkejja t-tbatija u l-isfidi li kellu jħabbat wiċċu magħhom, Miguel baqa’ jiġġieled b’kuraġġ u determinazzjoni. Illum jinsab aħjar, u l-istorja tiegħu ispirat din il-kanzunetta, li titkellem dwar is-saħħa, it-tama u r-rieda li wieħed ma jaqtax qalbu.

“L-istorja ta’ Miguel messitna ħafna. Ridna li din il-kanzunetta ma titkellimx biss dwar dak li għadda minnu, iżda fuq kollox dwar il-kuraġġ li wera. Għalina, Miguel għandu tassew qalb ta’ ljun, u nittamaw li l-kanzunetta tagħti kuraġġ ukoll lil persuni oħra li għaddejjin minn żminijiet diffiċli,” qal Joseph, wieħed mill-vuċijiet ta’ Kapitlu Tlettax.

“Qalb ta’ Ljun” inkitbet minn Kapitlu Tlettax, bi produzzjoni ta’ Siconix. Il-kanzunetta hija akkumpanjata minn vidjo mużikali li jkompli jwassal l-istorja u l-messaġġ tagħha.

Din hija t-tieni rilaxx tal-grupp għal din is-sena, wara “Sakemm Ġejt Int”, u tasal ftit qabel il-parteċipazzjoni tagħhom fil-festival L-Għanja tal-Poplu, fejn se jingħaqdu ma’ Reanue Falzon għall-kanzunetta “Kukkudrilli”, miktuba mill-grupp flimkien ma’ Emil Calleja Bayliss.

Permezz ta’ “Qalb ta’ Ljun”, Kapitlu Tlettax jiċċelebraw il-kuraġġ ta’ Miguel u ta’ dawk kollha li, minkejja dak kollu li jgħaddu minnu, jibqgħu jiġġieldu u jħarsu ’l quddiem.

“Qalb ta’ Ljun” hija disponibbli fuq il-pjattaformi diġitali kollha. Id-distribuzzjoni hija f’idejn CAP-Sounds, filwaqt li l-promozzjoni qed titmexxa minn Ironic PR & Artist Management.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here