Ikkonfermata sentenza fejn raġel ma nstabx ħati li darab ieħor b’mod gravi

Aqra wkoll

Il-Qorti tal-Appell Kriminali kkonfermat sentenza li fiha raġel kien illiberat mill-akkużi li darab raġel ieħor b’mod gravi.

Il-każ imur lura għall-10 ta’ Ġunju 2023 meta kien inqala’ argument bejn żewġt irġiel f’Santa Venera. Ahmad Shikh kien tressaq fil-Qorti fejn ġie mixli li kkaġuna ġrieħi ta’ natura gravi fuq Mazin Abdulsalam M Aljayer.

Shikh kien illiberat mill-akkużi miġjuba kontra tiegħu wara li l-Ewwel Qorti kienet emmnet il-verżjoni tiegħu. Madankollu, l-Avukat Ġenerali appella minn din is-sentenza. 

Fil-Qorti ħareġ li l-ġlieda kienet bdiet fl-għatba tal-bieb tar-residenza tal-appellat. Jirriżulta li l-parte civile kien mar fuq il-post wara li kien informa lill-appellat bit-telefon li kien se jmur għandu.

Malli wasal, inqalgħet ġlieda bejniethom. Il-prosekuzzjoni kienet ippreżentat filmati minn cameras tas-sigurtà li juru l-ewwel parti tal-ġlieda. 

Madankollu, il-ġlieda kompliet ġewwa r-residenza tal-appellat, fejn irriżultaw verżjonijiet differenti dwar dak li fil-fatt seħħ. It-tnejn sostnew li kienu qed jiddefendu ruħhom. Il-ferita li kien sofra l-parte civile kienet klassifikata bħala waħda ta’ natura gravi. 

Fis-sentenza tiegħu, l-Imħallef Neville Camilleri nnota kif il-filmat mis-CCTV wera li l-parte civile wasal bil-vettura tiegħu, niżel minnha u mexa direttament lejn l-appellat.

L-appellat kien qiegħed jistenna fuq il-bankina. Il-Qorti osservat li l-appellat kien jidher kalm u ma kien hemm ebda indikazzjoni li kien qiegħed jagħmel xi ġest lejn il-parte civile.

Il-filmat kompla juri lill-parte civile jagħti daqqiet bl-oġġett li kellu f’idu fid-direzzjoni tal-appellat li kien daħal fir-residenza tiegħu. Madankollu, il-parte civile baqa’ jsegwih u daħal warajh.

Intqal li dawn huma ċirkostanzi li ma jistgħux jiġu njorati meta tiġi evalwata n-natura tar-reazzjoni tal-appellat. 

“Minkejja li huwa minnu li mill-istqarrija tal-appellat jirriżulta li huwa kien qal lill-parte civile li kien id-dar u li seta’ jmur għandu, madanakollu dan ma jfissirx li kien qiegħed jistieden lill-parte civile sabiex jattakkah. Lanqas ma jfisser li kien aċċetta minn qabel kwalunkwe aggressjoni li setgħet isseħħ. 

“Il-fatt li kien ħareġ barra meta l-parte civile wasal ma jistax jiġi interpretat waħdu bħala prova li ma kienx jinsab f’periklu jew li ma setax iħossu mhedded meta l-konfrontazzjoni ħadet xejra vjolenti. Bl-istess mod, l-attitudni kalma li kellu waqt li kien qed jistenna fuq il-bankina ma tistax tiġi estiża għall-mument sussegwenti meta beda l-attakk. 

“L-istat psikoloġiku ta’ persuna għandu jiġi evalwat fid-dawl tal-mument li fih tkun ġiet ikkonfrontata bl-aggressjoni. Ma jistax jiġi konkluż li persuna ma setgħetx inħasdet jew beżgħet sempliċement għaliex qabel l-inċident kienet tidher kalma!,” kompla jgħid l-Imħallef Camilleri.

Kompla jgħid li l-Ewwel Qorti sabet kontradizzjonijiet materjali bejn ix-xiehda tal-parte civile u dak li kien jidher fil-filmat. “Għandu jingħad li l-Ewwel Qorti osservat, fost l-oħrajn, li l-filmat ma kienx jikkorrobora l-allegazzjoni li l-imputat allura appellat kien l-ewwel wieħed li avviċina lill-parte civile jew li kien beda joffendieh. Għall-kuntrarju, il-filmat wera lill-parte civile javviċina lill-appellat u jagħti daqqiet bl-oġġett li kellu f’idu. L-Ewwel Qorti kkunsidrat ukoll li l-parte civile baqa’ jsegwih ġewwa r-residenza tiegħu. Kien f’dawn iċ-ċirkostanzi li seħħet il-konfrontazzjoni fiżika li wasslet għall-ġrieħi.”

Intqal ukoll li l-konklużjoni li l-appellat aġixxa sabiex jiddefendi ruħu hija waħda li tirriżulta mill-assiem tal-provi li tressqu quddiem l-Ewwel Qorti. Kien għalhekk li l-Qorti tal-Appell qalet li ma ssib l-ebda raġuni sabiex titbiegħed mill-konklużjoni li waslet għaliha l-Ewwel Qorti.

Għal dawn ir-raġunijiet, il-Qorti tal-Appell ċaħdet l-appell tal-Avukat Ġenerali u kkonfermat is-sentenza appellata fl-intier tagħha. 

L-Avukati Jason Grima, Herman Mula u Silvan Pulis dehru għal Shikh.

LEAVE A REPLY

Please enter your comment!
Please enter your name here

Sport